STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR: Avvenimenti esklussivi ta' SiGMA sabiex jiġi attirat investiment lejn Għawdex
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li ntlaħaq ftehim strateġiku bejn il-Ministeru u InvestGozo, u l-kumpanija globali SiGMA, li se twassal biex numru ta' avvenimenti esklussivi u prestiġjużi jiġu ospitati f'Għawdex, matul il-ġimgħat li ġejjin. Dan bħala tħejjija għall-avvenimenti ewlieni ta' SIGMA li se jsir f'Malta bejn l-1 u t-3 ta' Settembru li ġej.
“Irridu li Għawdex ukoll igawdi minn dan l-avveniment li tant iġib ġid lejn l-ekonomija Maltija, iżda għamilna ftehim strateġiku li jikkunsidra l-potenzjal u l-karatteristiċi ta' Għawdex. Huwa ftehim fil-pjan tagħna li nkomplu nsaħħu t-turiżmu u l-investiment ta' kwalità lejn Għawdex," qal il-Ministru Camilleri.
Filwaqt li Għawdex hu magħruf għal-pajsaġġ trankwill u l-wirt kulturali għani tiegħu, imma aktar minn hekk, il-gżira Għawdxija hija gwidata minn objettivi strateġiċi ċari u stabbiliti mill-Gvern biex jissokta t-tkabbir ekonomiku settorjali u l-investiment, imsejsa fuq l-innovazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli.
Il-Ministru Clint Camilleri żied jgħid li “din il-kollaborazzjoni ma' SiGMA timmarka pass importanti fl-isforzi kontinwi tagħna biex inpoġġu lil Għawdex bħala ċentru strateġiku għall-investiment u l-innovazzjoni sostenibbli. Dawn ir-retreats ta' livell għoli mhux biss se jesponu l-potenzjal uniku tal-gżira iżda wkoll isaħħu l-impenn tagħna biex nibnu partnerships sinifikanti li jimxu id f'id mal-viżjoni ekonomika fit-tul tagħna."
“Permezz tat-tisħiħ tal-konnettività diġitali, permezz tat-tieni fibre optic cable, għamilna pass kbir 'il quddiem biex Għawdex jattira industrija ta' dan it-tip. Fl-istess ħin, qed inkomplu nsaħħu l-konnettività fiżika permezz ta' proġetti bħal l-estensjoni tas-servizz tal-fast ferry, u l-iżvilupp tal-airfield f'Għawdex. Dan it-titjib jiżgura aċċess aktar faċli kemm għall-ivvjaġġar ta' rilassament u dak relatat man-negozju, u jtejjeb aktar il-prospetti ta' Għawdex bħala destinazzjoni għal investiment ta' valur għoli. Permezz ta' InvestGozo u ggwidati mill-Istrateġija Reġjonali għall-Iżvilupp ta' Għawdex u l-Malta Vision 2050, aħna impenjati li noħolqu l-ambjent xieraq għal tkabbir ekonomiku sostenibbli, impjiegi ta' kwalità, u gżira li filwaqt li tkun ippreparata għall-futur nippriservaw ukoll il-karattru u l-identità li jagħmlu lil Għawdex speċjali," temm jgħid il-Ministru Clint Camilleri.
Id-Direttur għat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku, Ronald Sultana, qal li l-għan ta' din il-kollaborazzjoni ma' SiGMA huwa li Għawdex jiġi promoss aktar bħala ċentru reġjonali għall-investiment, mhux biss permezz ta' espożizzjoni virtwali, iżda aktar importanti billi fiżikament jospita madwar 100 investitur fil-gżira.
Dan jimmarka l-ewwel darba li Għawdex se jkollu rwol prominenti f'SiGMA, bil-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ser jieħu rwol attiv matul din il-konferenza ewlenija. Din il-preżenza se tkun f'kollaborazzjoni ma' partijiet interessati oħra, u li ser tippermetti l-viżibilità, bil-għan li toħloq interess minn dawk li ser jipparteċipaw.
Il-Kap Eżekuttiv ta' SiGMA Emily Micallef qalet: “Aħna kburin li qed inniedu żewġ avvenimenti ewlenin bħala parti minn SiGMA Euro-Med 2025. L-Affiliate Retreat, li se jsir bejn it-28 u t-30 ta' Awwissu, se jospita 50 mexxej affiljat ta' livell għoli. Dawn l-individwi jiffurmaw komunitajiet online u jimmudellaw il-vjaġġ tal-konsumatur, u jiġġeneraw miljuni fi żjarat u dħul."
Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp SiGMA Emily Micallef, is-CFO Clive Terribile, u s-COO Heathcliff Farrugia laqgħu lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri. Iż-żjara kienet tinkludi dawra gwidata mal-binja ta' SiGMA segwita minn laqgħa privata.
Aktar informazzjoni: SiGMA Affiliate Retreat Gozo.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN