Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Introduzzjoni ta’ sports visa b’regoli ċari u serji għal sportivi mistiedna għal prova minn klabbs Maltin

pr251227
Date Icon 07/07/2025

Il-Gvern introduċa kategorija ta’ visa ġdida maħsuba għal dawk l-isportivi minn pajjiżi terzi li jiġu jagħmlu prova (trial) ma’ klabbs Maltin. L-għan ta’ din l-isports visa huwa li jkun hemm regoli ċari u serji, li jiffaċilitaw il-ħidma tal-klabbs fil-qasam sportiv, fl-istess ħin li l-awtoritajiet ikollhom kontroll tas-sitwazzjoni u viżibbiltà sħiħa tar-realtà kif inhi.  Ta dettalji dwar dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, f’konferenza tal-aħbarijiet. 

“Proċeduri stabbiliti, u proċessi ċari huma xhieda ta’ sistemi ġusti u governanza tajba,” sostna l-Ministru Camilleri filwaqt li enfasizza kif l-istess regoli ċari jfissru inqas burokrazija għall-klabbs fil-qasam sportiv. Dan però li jkun ċar li din il-visa tintuża minn sportivi biss, hekk kif min ikun approvat, jista’ biss jkun impjegat fil-qasam sportiv u l-ebda rwol ieħor. 

Spjega kif hija realtà fil-qasam sportiv li plejer jew atleta jinġieb għal prova qabel jingħata kuntratt. Din il-kwistjoni qamet waqt il-konsultazzjoni dwar il-Malta Labour Migration Policy, u l-Gvern indirizzaha permezz ta’ din il-policy ġdida. 

Biex wieħed japplika għaliha hemm numru ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà, b’numru ta’ kriterji ġodda jingħaqdu ma’ oħrajn diġà fis-seħħ. 

Il-Ministru Camilleri spjega kif l-applikant irid ikun mistieden għal trial minn klabb reġistrat ma’ Sport Malta jew ma’ entitajiet sportivi nazzjonali u relevanti għal dak l-isport, bħalma huma l-Malta Football Association jew l-Aquatic Sports Association, jew entitajiet sportivi simili. F’dan il-proċess il-klabb irid jipprovdi; evidenza tar-reġistrazzjoni, kemm hu maħsub li jżomm il-plejer għat-trial f’Malta u n-natura tat-trial, kif ukoll konferma li jekk dik it-trial tkun suċċess, allura l-plejer ser jingħata kuntratt full-time mat-tim. Filwaqt li matul il-perjodu li qiegħed Malta għal trial, il-plejer irid ikollu assigurazzjoni tas-saħħa li tkoprilu kull servizz relatat mas-saħħa li jista’ jiġi bżonn, inkluż sptar. Irid ikun hemm dikjarazzjoni ffirmata mill-klabb u jrid ikun hemm prova li dan l-isportiv għandu l-mezzi biex isostni lilu nnifsu kemm idum għal din it-trial f’pajjiżna. L-isports visa ser tkun valida għal perjodu massimu ta’ mitt jum u ma tistax tiġġedded. 

Filwaqt li waqt li jkun hawn għal trial fl-isport, wieħed ma jistax jipprova jidħol jaħdem f’attività oħra. Jekk il-klabb jixtieq iżomm il-plejer, allura sa għoxrin jum qabel tiskadi l-Visa jrid jibda l-proċess ta’ talba għall-permessi relevanti. Persuna li ma tkunx impjegata, jeħtieġ tħalli l-pajjiż qabel it-tmiem tal-Visa. 

“Fil-mod kif nimmaniġġjaw l-immigrazzjoni ma nistgħux inħallu loopholes għax inkella nkunu qed indgħajfu l-pożizzjoni tal-awtoritajiet Maltin,” qal il-Ministru Camilleri li żied ukoll li din se tgħin il-klabbs jiffaċċjaw inqas burokrazija frott ta’ proċessi ċari u effiċjenti. 

Finalment, il-Ministru Camilleri qal li din hi waħda minn diversi inizjattivi li permezz tagħhom il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol qed jappoġġja l-qasam sportiv. “Nemmen li dan il-Ministeru jrid jibqa’ jaqdi b’suċċess il-funzjonijiet ewlenin tiegħu fl-oqsma tas-sigurtà u x-xogħol, iżda dan hu Ministeru li jmiss ma’ oqsma oħra u għalhekk kull fejn jista’ jrid jissokta wkoll jappoġġja setturi oħra tas-soċjetà li għandhom effett pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.”

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Introduzzjoni ta’ sports visa b’regoli ċari u serji għal sportivi mistiedna għal prova minn klabbs Maltin
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow