STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Messaġġ b’saħħtu kontra l-mibegħda, bi ftehim bejn il-VSA u l-MFA
Ftehim bejn l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità (VSA) u l-Assoċjazzjoni tal-Futbol Maltija (MFA) ser ikun qed iwassal biex tul il-kampjonati li ser torganizza l-MFA tul l-istaġun li ġej, ssir il-kampanja ‘StoptheHate’, filwaqt li din id-darba tingħata viżibbiltà wkoll lill-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità. Dan bil-għan li dawk li jkunu jeħtieġu l-għajnuna jkunu iktar konxji mis-servizzi offruti lilhom u d-drittijiet tagħhom.
Permezz ta’ finanzjament ta’ Komunità Malta, din il-kollaborazzjoni kienet faċilitata biex il-VSA tuża l-professjonisti tagħha biex tqajjem għarfien u toffri taħriġ dwar is-suġġett, filwaqt li l-MFA tuża l-pjattaforma sportiva biex dan il-messaġġ jasal dejjem iktar għand il-pubbliku.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-ftehim, u enfasizza li m’hemmx aqwa mill-isport biex jintbagħat dan il-messaġġ kontra l-mibegħda. Sostna li diskors u aġir ta’ mibegħda m’hemm postu mkien u saħaq kif l-importanza tal-ftehim bejn il-VSA u l-MFA ma tiqafx biss mar-reklamar bil-messaġġ ‘StoptheHate’ iżda wkoll bl-għarfien u t-taħriġ li ser jingħata permezz tal-VSA lil diversi persuni involuti fil-logħba tal-futbol. B’59 tim li jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet organizzati mill-MFA, mijiet ta’ persuni ser ikunu esposti għal taħriġ u għarfien u eluf oħra għal dan il-messaġġ importanti waqt li jieħdu sehem jew isegwu l-futbol.
“Nemmen li m’hemmx aqwa mill-isport biex nibagħtu messaġġ ta’ għaqda u l-kontra l-mibegħda. Għalhekk kienet deċiżjoni strateġika li ningħaqdu mal-MFA biex permezz tal-Victim Support Agency noħolqu kuxjenza dwar servizzi li jeżistu u nużaw l-għarfien li għandna biex inwasslu messaġġ kontinwu kontra l-mibegħda, iżda wkoll biex niffokaw ukoll fuq il-prevenzjoni,” spjega l-Ministru Camilleri.
Id-diriġenti tal-MFA tkellmu dwar kif fil-futbol m’hemmx post għall-abbuż u l-isforz hu maħsub, biex l-abbuż jiġi eliminat minn din il-logħba kemm jekk hu fiżiku, kemm jekk verbali, kif ukoll jekk isir fuq pjattaformi onlajn. Bħala parti minn dan il-ftehim il-captains tat-timijiet kollha se jilbsu l-faxxa bil-messaġġ ‘StoptheHate’ fuqha u fi grawnds fejn jintlagħab il-logħob se jintwera n-numru ta’ fejn wieħed jista’ jagħmel kuntatt mal-VSA. Ser tkun organizzata wkoll konvenzjoni bejn imsieħba fl-isport u professjonisti dwar is-suġġett.
Għall-MFA, din se tkun it-tieni darba li torganizza l-kampanja ‘StoptheHate’. Il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, irringrazzja lill-ministeru għall-kontribut tiegħu u żied, “Kuntent li ser nidħlu għat-tieni sena ta’ din il-kampanja bil-għan ewlieni li nibagħtu messaġġ pożittiv permezz tal-futbol ħalli l-abbuż, kemm jekk fl-isport dirett jew anke fuq il-midja soċjali, kemm jista’ jkun neliminawh.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-VSA Brian Farrugia qal li l-kampanja ta’ għarfien fost il-plejers, il-kowċis u membri oħra tat-tim tekniku hija pass fundamentali biex niġġieldu kull forma ta’ mibegħda fl-isport – inkluż razziżmu, omofobija, xenofobija u abbużi oħra diskriminatorji. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Futbol Maltija, l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità ser tkun f’pożizzjoni aħjar biex tgħin lill-vittmi ta’ diskors ta’ mibegħda jiksbu l-għajnuna u l-appoġġ li għandhom bżonn. “Irridu nħallu messaġġ ċar: reat dejjem jibqa’ reat – kemm jekk iseħħ fuq il-grawnd jew barra minnu – u kull min hu vittma għandu dritt għall-protezzjoni, għat-trattament dinjituż, u għall-ġustizzja. L-isport għandu jkun spazju sigur, li jgħaqqad, mhux li jifred.”
Min-naħa tiegħu, il-Viċi-President tal-MFA, Matthew Paris, tenna l-importanza li nużaw aħjar il-midja soċjali u sostna li l-futbol jista’ jkun pjattaforma biex jintbagħat dan il-messaġġ ukoll. “Il-midja soċjali hija għodda importanti ħafna, iżda użata ħażin jista’ jkollha konsegwenzi devastanti. Għal darb’oħra l-futbol qed jintuża biex jintbagħat messaġġ b’saħħtu kontra l-abbuż.”
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN