STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Issir it-tieni laqgħa strateġika biex tissaħħaħ il-Viżjoni Malta 2050
Illum saret it-tieni laqgħa strateġika tal-Forum tal-Ħsieb għall-Futur tal-Edukazzjoni f’Malta (Malta Education Foresight Forum - MEFF), biex isaħħaħ il-Viżjoni Malta 2050 u l-Kollaborazzjoni mill-qrib mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD).
Il-laqgħa kkonfermat mill-ġdid l-impenn ta’ Malta lejn trasformazzjoni edukattiva fit-tul permezz ta’ ħsieb strateġiku u tfassil ta’ politika innovattiva. Dan il-forum twaqqaf bħala parti mill-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024–2030, li fiha l-MEFF huwa mekkaniżmu ewlieni biex is-sistema edukattiva f’Malta tkun ippreparata għall-futur. Il-Forum huwa allinjat direttament mal-Viżjoni Malta 2050 permezz ta’ azzjoni strateġika f’oqsma bħad-diġitalizzazzjoni, ir-reżiljenza għall-klima, l-ugwaljanza soċjali u l-adattabilità għas-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, il-MEFF iservi bħala pjattaforma nazzjonali ta’ djalogu kollaborattiv, ħolqien ta’ xenarji bbażati fuq evidenza u żvilupp ta’ politika trasformattiva fl-ekosistema edukattiva kollha ta’ Malta.
Is-sessjoni tal-lum infetħet uffiċjalment mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima flimkien mas-Segretarju Permanenti, Matthew Vella.
Fl-introduzzjoni tiegħu l-Ministru Grima tkellem dwar it-trasformazzjoni li għaddej minnu s-settur edukattiv. “Il-ħidma tagħna għandha l-għan li naraw li dak li hemm fil-Viżjoni Malta 2050 nilħquh. It-trasformazzjoni f’dan is-settur hija waħda komprensiva li permezz tagħha se nwasslu biex uliedna jkunu mgħammrin b’mod aħjar bil-ħiliet li għandhom bżonn f’dinja li qed tinbidel b’pass mgħaġġel,” tenna l-Ministru Grima.
F’allinjament mal-Viżjoni Malta 2050, il-MEFF qed jagħti aktar enfasi fuq il-benesseri, l-inklużjoni u s-saħħa lill-edukaturi. Permezz tal-mekkaniżmi parteċipattivi tiegħu u ċ-Ċentru tat-Trasformazzjoni, l-edukaturi qed ikollhom rwol dirett fil-formulazzjoni tal-politika edukattiva, filwaqt li diġà bdew workshops ddedikati għall-benesseri. B’dinja li qed tinbidel, il-MEFF jikkonferma mill-ġdid l-impenn tal-pajjiż għal edukazzjoni ġusta, reżiljenti u mmexxija minn ħsieb futurista li jagħti s-setgħa lill-istudenti u lill-edukaturi biex jiffaċċjaw l-isfidi ta’ għada.
Fl-introduzzjoni tiegħu s-Segretarju Permanenti qal li permezz tal-Malta Education Foresight Forum il-Ministeru qed jaħdem b’mod strateġiku biex l-politika edukattiva taħdem b’sinerġija sħiħa mal-Viżjoni Malta 2050. “Għalhekk, b’kollaborazzjoni mal-OECD, qed jiġu żviluppati proġetti ta’ riċerka dwar il-futur tat-tagħlim u l-istrateġija nazzjonali għall-ħiliet, li qed jipprovdu għodod konkreti għall-ippjanar edukattiv sostenibbli. Din l-inizjattiva qed tiġi msaħħa ukoll bit-trasformazzjoni ħolistika tal-kurrikulu, biex jilqa’ għall-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali tal-ġejjieni,” qal Matthew Vella.
Matul din il-laqgħa, il-forum iffoka fuq inizjattivi nazzjonali u internazzjonali ewlenin li qed jifformaw il-futur tal-edukazzjoni f'Malta, inkluż il-Viżjoni Malta 2050 u l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ħiliet, qafas ġdid li qed jiġi żviluppat biex itejjeb u jaġġorna l-ħiliet tal-popolazzjoni ta’ Malta, jagħlaq il-lakuni fil-ħiliet u jsaħħaħ l-allinjament bejn l-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol tal-futur. Barra minn hekk, ġiet diskussa l-kollaborazzjoni mill-qrib mal-OECD biex tinbena kapaċità għal ħsieb strateġiku u ppjanar ta’ politika fit-tul, flimkien ma’ għarfien preliminari u stadji ta’ konsultazzjoni għall-trasformazzjoni olistika tal-kurrikulu nazzjonali ta’ Malta biex jilqa’ għall-bżonnijiet soċjali u ekonomiċi tal-futur.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN