STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Malta tlaqqa’ l-ewwel laqgħa globali tal-ministri għall-qasam soċjali: Prijorità fuq id-drittijiet u l-protezzjoni tat-tfal
Malta qed tospita l-Konferenza Informali tal-Ministri li għandha l-għan illi tanalizza l-progress li sar matul l-aħħar 15-il sena minn meta twaqqfet il-Konvenzjoni Lanzarote. Konvenzjoni li topera sabiex tipprevjeni u tipproteġi lit-tfal minn esplojtazzjoni sesswali u kull tip ta’ abbuż.
Għal din il-laqgħa tal-ministri, bħala parti mill-Programm tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, attendew 50 delegazzjoni minn pajjiżi minn madwar id-dinja.
Din il-konferenza qed tiffoka fuq azzjoni konkreta dwar kif nistgħu nipprevjenu l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal. B’emfasi ssir fuq kif nistgħu nżommu l-ħsara ’l bogħod mit-tfal u nipproteġuhom b’mod effettiv.
It-tieni parti tad-diskussjoni ser tiffoka fuq il-leġislazzjoni u l-politiki meħtieġa biex tissaħħaħ il-prevenzjoni u l-protezzjoni tat-tfal fit-tul. Dan anke fid-dawl ta’ realtajiet teknoloġiċi ġodda li qed ikomplu jkabbru r-riskju t’esplojtazzjoni sesswali tat-tfal.
Dawn id-diskussjonijiet qed isiru fi sfond ta’ realtajiet fejn 1 minn kull 5 t’itfal fl-Ewropa huma stmati li esperjenzaw vjolenza sesswali filwaqt li biljun tifel u tifla minn madwar id-dinja għaddew minn din it-trawma li tibqa’ magħhom snin sħaħ.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Ewropew Alain Berset esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-mod illi Malta organizzat din il-laqgħa internazzjonali. “Għandna l-liġijiet, issa hemm bżonn implimentazzjoni b’saħħitha sabiex niffaċċjaw il-pressjonijiet li ġejjin l-aktar mill-mezzi teknoloġiċi bħall-Intelliġenza Artifiċjali. Fil-fatt kontenut ġġenerat mill-AI u li jinkludi abbuż sesswali żdied bi 380% f’sena waħda biss,” stqarr is-Segretarju Ġenerali.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li din hija ġurnata importanti għax qed jitkellmu fuq il-protezzjoni tat-tfal li huma parti integrali mis-soċjetà tal-lum u l-ġenerazzjoni ta’ għada. “Irridu nkunu hemm dejjem u għal kulħadd, speċjalment għal dawk li huma l-aktar vulnerabbli, t-tfal. Għandna d-dmir illi nkomplu npoġġu fuq quddiem l-vuċi u d-drittijiet tat-tfal, sabiex eventwalment tittieħed azzjoni importanti fuq livell internazzjonali,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN