STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Ir-riżorsi marittimi u l-integrità ambjentali huma essenzjali għal Malta, u awditjar ta’ dawn ir-riżorsi għandu jgħin fit-titjib ambjentali – il-Ministru Miriam Dalli
Fl-aħħar snin sar investiment bla preċedent biex ikollna settur ambjentali ta' kwalità
F'Malta, bħalissa qiegħda tinżamm it-23 Assemblea tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Verifiki Ambjentali (Working Group on Environmental Auditing – WGEA) fi ħdan l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi ta' Verifika (International Organisation of Supreme Audit Institutions – INTOSAI), ospitata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO).
Matul din l-Assemblea, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubbliku Miriam Dalli enfasizzat dwar l-importanza li nużaw “l-għodda kollha li għandna għad-dispożizzjoni tagħna bħala strumenti strateġiċi biex iwasslu għal bidliet importanti." Fil-fatt Dr Dalli rrimarkat kif il-governanza trasparenti f'pajjiżna kienet għodda kruċjali li wittiet it-triq għal titjib kontinwu fis-settur ambjentali.
Il-Ministru Dalli rrimarkat, “F'pajjiż bħal tagħna, fejn il-baħar huwa mezz ta' għajxien, dawn l-għodda jridu jkunu pilastri ta' bidla. Dan il-prinċipju nemmnu bis-sħiħ fih, tant li audit bħal dak tal-2018 wassal għal tibdil strutturali fil-mod kif Malta tipproteġi 'l fuq minn 30% taż-żona marittima tagħha, permezz ta' siti Natura 2000, monitoraġġ xjentifiku u programm ta' konservazzjoni b'investiment ta' €2 miljun."
Il-Ministru Miriam Dalli għamlet referenza wkoll għas-settur tal-ilma, settur kruċjali li fl-aħħar sena ra investiment bla preċedent ta' €63.9 miljun f'sistemi tal-ilma iktar sostenibbli u trasparenti li rriżultaw fi tnaqqis fl-infiltrazzjoni u żieda fil-produzzjoni ta' enerġija nadifa.
Il-Ministru Dalli sostniet, “Dawn l-investimenti fis-settur tal-ambjent huma xhieda ċara ta' kif bħala Gvern dejjem ħarisna lejn dawn l-għodda strateġiċi biex jiggwidana fid-direzzjoni li rridu nkomplu mexjin fiha."
Filwaqt li rringrazzjat lill-NAO għas-sens ta' tmexxija tiegħu, il-Ministru Miriam Dalli kkonkludiet tgħid, li “Trasparenza vera tfisser li l-awditjar ma jkunx meqjus bħala dokumentazzjoni ta' żbalji, iżda bħala mezz ta' innovazzjoni li twassalna biex inkomplu noħolqu settur ambjentali ta' kwalità."
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN