STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Inawgurat il-proġett ‘Together We Flourish’ - Binja ġdida f’Għawdex se toffri terapiji u servizzi terapewtiċi għal persuni b’diżabilità
Ġie inawgurat il-proġett 'Together We Flourish' fejn binja ġdida fl-Għajnsielem Learning Hub, bi spazju pprovdut mill-Aġenzija Sapport, se jservi bħala one-stop shop fejn se jiġu offruti terapiji u servizzi terapewtiċi għal persuni b'diżabilità, immexxija mill-għaqda Voice for Inclusion.
Din l-inawgurazzjoni saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Oliver Scicluna.
Il-ftuħ ta' dan l-ispazju ġdid ifisser li Voice for Inclusion issa għandha ambjent dedikat u professjonali minn fejn tista' topera, tilqa' lill-klijenti, u twettaq il-ħidma tagħha favur persuni b'diżabilità b'mod aktar effiċjenti u viżibbli. L-investiment ħolistiku għal dan il-proġett ammonta għal €120,000, b'finanzjament parzjali mill-fondi Ewropej, il-Good Causes Fund, u l-Ministeru għall-Inklużjoni permezz tal-fond NGO Co-Financing Fund, imħaddem mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.
Il-Ministru Julia Farrugia faħħret l-inizjattiva u saħqet kif “il-ftuħ ta' dan l-ispazju jkompli juri kemm il-Gvern huwa kommess li jagħmel l-inklużjoni realtà għal kulħadd; mhux biss f'Malta iżda wkoll f'Għawdex. Voice for Inclusion għandha rwol kruċjali fil-komunità, u b'dan l-investiment qegħdin niżguraw li jkollha l-appoġġ meħtieġ biex tkompli ssaħħaħ il-vuċi tal-persuni b'diżabilità. Dan il-Gvern se jkompli jinvesti kemm hemm bżonn riżorsi biex mhux biss tiżdied il-kwalità tal-ħajja ta' nies b'diżabilità iżda wkoll biex tissaħħaħ l-inklużjoni fuq kull livell."
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr, “Fl-Għajnsielem Learning Hub illum ftaħna dan iċ-ċentru għal tfal b'diżabilità li se jkun immexxi mill-Voice for Inclusion li taħdem bis-sħiħ favur id-drittijiet u anki għas-servizzi ta' tfal b'diżabilità f'Għawdex. Nemmen li dan huwa pass importanti ferm sabiex f'dan iċ-Ċentru jiġu offruti diversi servizzi għat-tfal li qabel kien ikollhom bżonn imorru Malta għalihom. Għaldaqstant, dan huwa pass importanti sabiex it-tfal Għawdxin ikunu jistgħu jieħdu l-istess servizzi bħat-tfal Maltin."
Waqt l-inawgurazzjoni, Pauliana Said, Chairperson Eżekuttiv ta' Voice for Inclusion, qalet “Il-ftuħ uffiċjali ta' dan il-post huwa pass kbir 'il quddiem għall-għaqda tagħna. Dan l-ispazju jagħtina l-mezzi biex noffru servizz imtejjeb. Iktar minn hekk, qed nassiguraw li l-Għawdxin ikollhom aċċess ġust u ugwali għas-servizzi bħalma għandhom f'Malta. L-inklużjoni u l-ugwaljanza mhumiex biss kliem, iżda prinċipji li rridu nwettqu fil-prattika, u dan l-uffiċċju huwa prova konkreta ta' dan."
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN