STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI: Tibdil fil-liġi tax-xogħol biex inkomplu nsaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema
Permezz ta' wegħda elettorali oħra mwettqa minn dan il-gvern, ħaddiema Maltin u Għawdxin se jkunu qed igawdu minn aktar protezzjoni u drittijiet fuq il-post tax-xogħol.
Il-ħaddiema kollha, kemm dawk li qegħdin japplikaw għal xogħol ġdid kif ukoll dawk li diġà qegħdin f'impjieg, issa ser ikollhom id-dritt li jitolbu kull informazzjoni mhux biss dwar il-paga u benefiċċji oħra, iżda anke kemm din il-paga ser tkun qed tiżdied maż-żmien. Dan it-tibdil fil-liġi tax-xogħol, li ser jidħol fis-seħħ fis-27 ta' Awwissu 2025, huwa parti minn numru ta' miżuri li daħħal il-gvern sabiex ikompli jsaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, fejn spjega li bis-saħħa ta' din il-liġi issa min ikun applika għal xogħol ġdid u jkun qiegħed jiġi kkunsidrat, issa ser ikollu d-dritt li jitlob informazzjoni mhux biss dwar il-paga marbuta ma' dak l-impjieg, imma anke kemm din il-paga tkun ser tiżdied maż-żmien.
Dan id-dritt ser jestendi wkoll fejn ikun hemm ftehim kollettiv fis-seħħ, fejn issa ħaddiem jista' jitlob biex jingħata informazzjoni mhux biss dwar il-paga li tkun imniżżla f'dak il-ftehim kollettiv, imma anke dwar informazzjoni oħra bħal kwalunkwe dħul u benefiċċji relatati ma' dak l-impjieg.
Dritt ieħor li ser ikun qiegħed jidħol fis-seħħ għal min ikun qiegħed jiġi kkunsidrat għal xogħol ġdid, huwa li jitlob u jingħata l-informazzjoni dwar x'jirrikjedi eżatt ix-xogħol li għalih ikun qed japplika, jiġifieri x'ser ikun mistenni minn dak il-ħaddiem li jwettaq fuq il-post tax-xogħol.
Dr Ellul kompla jispjega kif dan it-tibdil fil-liġi ser jitfa' obbligu fuq min iħaddem li jipprovdi din l-informazzjoni mitluba saħansitra qabel ma wieħed jibda l-impjieg tiegħu.
Dawn il-miżuri mħabbra ser jagħtu wkoll dritt lill-ħaddiema diġà fl-impjieg, fejn issa jistgħu jitolbu u jingħataw informazzjoni mingħand min iħaddimhom mhux biss dwar id-dħul gross annwali tal-paga u l-ħlas fis-siegħa għax-xogħol tagħhom, imma anke d-dritt li jitolbu informazzjoni dwar il-paga ta' kategoriji ta' ħaddiema li jkunu qegħdin iwettqu l-istess xogħol bħalu.
Is-Segretarju Parlamentari kompla billi spjega li meta din l-informazzjoni tintalab mill-ħaddiema, din għandha tingħatalhom bil-miktub minn min iħaddem fi żmien raġonevoli, iżda dan ma għandux ikun aktar tard minn xahrejn minn meta tintalab din l-informazzjoni.
“Dan it-tibdil għamilnieh sabiex ikun hemm aktar trasparenza fis-salarji u inklussività fuq il-post tax-xogħol, biex b'hekk il-ħaddiema jkunu jistgħu jivverifikaw li qed jitħallsu b'mod ġust u ugwali," saħaq Dr Ellul.
Huwa ddeskriva din il-miżura bħala waħda li se tagħmel differenza pożittiva f'ħajjet il-ħaddiema u li dan it-tibdil fil-liġi ser ikompli jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol f'pajjiżna. Dan it-tibdil qed isir bħala parti mill-viżjoni tal-gvern li jintroduċi u jsaħħaħ prattiċi ta' impjieg ġusti, ugwali u trasparenti.
“It-trasparenza fil-pagi għandha tibda minn qabel jibda l-proċess tal-impjieg ħalli b'hekk tonqos il-possibbiltà ta' diskriminazzjoni fil-pagi. Kemm min japplika għal impjieg u kif ukoll ħaddiema diġà fl-impjieg, issa ser ikollhom id-dritt li jkunu jafu l-informazzjoni kollha dwar il-paga u d-dħul tagħhom. Din il-miżura mhux biss ser tagħti aktar protezzjoni lill-ħaddiema, iżda ser isservi wkoll bħala preparazzjoni għal min iħaddem, sabiex meta tidħol fis-seħħ id-Direttiva Ewropea dwar it-Trasparenza fil-Paga, li għanda tidħol fis-seħħ fis-sena 2026, ikunu diġà organizzaw u rregolaw l-operat tagħhom," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Ellul.
Ritratt: OPM_PS
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN