STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Inawgurat Ċentru Interattiv fil-Buskett għall-Vitikoltura u l-Enoloġija
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo inawgura uffiċjalment ċ-Ċentru ta’ studju tal-vitikoltura u l-enoloġija fil-Buskett, wara li tlesta proġett ta’ restawr. Din il-binja storika issa se sservi bħala mużew interattiv għall-promozzjoni u t-tixrid tal-informazzjoni dwar is-settur tal-inbid u d-dwieli f’Malta.
F’dan iċ-Ċentru ta’ nofs ettaru nsibu kantina mgħammra b’apparat żgħir, laboratorju tal-fisjokimika tal-inbid u vinja dedikata. Permezz ta’ dan il-proġett, issa ċ-Ċentru se jkun miftuħ għall-użu tal-pubbliku bħala mużew interattiv. Dan il-mużew se joffri spazju ta’ tagħlim u informazzjoni għall-għassara, bdiewa, studenti u dawk kollha li għandhom interess f’dan is-settur importanti.
Il-proġett sar fuq żewġ fażijiet b’investiment ta’ aktar minn €225,000, sabiex tiġi rrestawrata din il-binja b’mod xieraq u jkompli jissaħħaħ il-valur kulturali u edukattiv tagħha. Il-mużew se jinkludi ġabra ta’ informazzjoni interattiva dwar il-vitikoltura f’Malta u l-varjetajiet ta’ dwieli Maltin, elementi li jagħtu spinta lir-riċerka u t-tkabbir sostenibbli f’dan is-settur.
Fil-fatt, bħalissa qed isir xogħol importanti fuq 17-il varjetà awtoktona ta’ dwieli miġbura minn diversi proġetti, fosthom b’kollaborazzjoni ma’ esperti Taljani. Dawn ġew verifikati għall-uniċità tagħhom permezz ta’ analiżi tad-DNA u qed jiġu mrawwma, studjati u evalwati kemm mill-aspett agronomiku kif ukoll enoloġiku. L-għan hu li dawn il-varjetajiet jiġu mdaħħla fir-reġistru nazzjonali tal-varjetajiet, b’potenzjal ġdid għall-kwalità u d-diversità tal-inbid Malti.
“Dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif in-nisġa kulturali, l-ambjent naturali u r-riċerka xjentifika jistgħu jingħaqdu flimkien biex jinħolqu spazji ta’ tagħlim, żvilupp u apprezzament għal setturi li jiffurmaw parti mill-identità agrikola u kulturali tagħna,” temm jgħid il-Ministru Refalo.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN