Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Verifika tal-Prestazzjoni: Climate Change Adaptation – Evaluating Malta’s efforts relating to flooding and sea level rise

PR251129
Date Icon 24/06/2025

L-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, ippreżenta r-rapport hawn fuq imsemmi lill-President tal-Kamra tad-Deputati, l-Ispeaker Dr Anġlu Farrugia. Din il-verifika tal-prestazzjoni ffukat fuq l-adattament għat-tibdil fil-klima, b’mod partikolari l-isforzi biex tissaħħaħ ir-reżiljenza ta’ Malta għall-inċidenti ta’ għargħar kif ukoll għal avvenimenti li jistgħu jseħħu fuq medda itwal ta’ żmien bħaż-żieda fil-livell tal-baħar. Dawn il-każijiet intgħażlu minħabba l-impatti soċjoekonomiċi u ambjentali potenzjali tagħhom, li huma wkoll dovuti għall-ispeċifiċitajiet ġeografiċi tal-gżejjer Maltin.

L-impenn tal-Gvern biex jimmaniġġja aħjar il-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima huwa parzjalment evidenti mill-approvazzjoni tal-Att il-ġdid dwar l-Azzjoni Klimatika kif ukoll mit-twaqqif tal-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima, li flimkien huma meqjusa bħala pass fid-direzzjoni t-tajba. L-involviment t’Entitajiet Governattivi f’diversi proġetti bħal CARDIMED u MedSeaRise kkontribwixxa għat-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali u operattiv tal-adattament għat-tibdil fil-klima. L-ewwel proġett huwa primarjament intenzjonat sabiex jiffaċilita u jarmonizza l-ġbir u l-analiżi tad-dejta relatata mall-bidla fil-klima. It-tieni proġett fittex li jtejjeb il-metodoloġiji tal-valutazzjonijiet tar-riskju billi jikkwantifika b’aktar preċiżjoni x-xejriet tal-varjazzjoni fil-livell tal-Baħar Mediterran.

L-istudju reċenti marbut mal-vulnerabbiltà u r-riskji dovuti għall-bidla fil-klima (Climate Vulnerability and Risk Assessment) u l-impatt fuq l-ekonomija Maltija, huwa meqjus bħala pass importanti sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima. Dan l-istudju ambjentali beda fl-2021 wara sejħa għal offerti. Minkejja d-dewmien minħabba kumplessitajiet tekniċi, dan l-istudju ġie riferut lill-Gvern fil-bidu ta’ din is-sena, u għandu jservi bħala input importanti fil-formulazzjoni ta’ politiki u proġetti futuri t’adattament għall-bidla fil-klima.

Minkejja dawn l-iżviluppi, l-istrateġiji u l-pjanijiet ewlenin relatati mal-adattament għall-bidla fil-klima, jiġifieri l-Istrateġija ta’ Malta għal Żvilupp b’Emissjonijiet Baxxi ta’ Karbonju (Low Carbon Development Strategy), u l-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima (National Energy and Climate Plan), kellhom ċerti limitazzjonijiet. Primarjament, tali strateġiji u pjanijiet mhux dejjem speċifikaw min kellu jimplimenta l-miżuri relatati mal-adattament għall-bidla fil-klima u, ma inkludewx skedi ċari taż-żmien allokat għall-implimentazzjoni kif ukoll l-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs) biex jiffaċilitaw il-monitoraġġ rispettiv li jkun jista’ jsir b’mod aktar sistematiku. Il-proġetti infrastrutturali u dawk b’għan ekoloġiku, li jistgħu jtejbu l-adattament għall-bidla fil-klima, ġeneralment ma kinux sostnuti minn valutazzjonijiet komprensivi dwar ir-reżistenza għat-tibdil fil-klima, li jikkunsidraw bis-sħiħ il-perikli kollha possibbli tul il-ħajja tal-proġetti. Min-naħa l-oħra, il-miżuri li joħorġu mit-tieni Pjan ta’ Ġestjoni tar-Riskju tal-Għargħar f’Malta (second Flood Risk Management Plan), ġew prijoritizzati u mmonitorjati sistematikament mill-Entitajiet responsabbli.

Għalkemm il-finanzjament għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima żdied, il-Gvern għadu ma kwantifikax l-ispiża neċessarja għall-adattament għat-tibdil fil-klima. Filwaqt li ċifra bħal din tkun ibbażata fuq diversi suppożizzjonijiet u proġettazzjonijiet, din xorta waħda tiffaċilita l-ippjanar tal-investiment rispettiv. Filwaqt li l-impatt tal-avvenimenti t’għargħar ġeneralment kien ikkontrollat matul l-aħħar snin, avvenimenti li jseħħu fuq medda itwal ta’ żmien bħaż-żieda fil-livell tal-baħar, jistgħu jeħtieġu investiment akbar u għaldaqstant l-involviment sħiħ tal-partijiet kollha interessati inkluż mis-settur privat.

Bla dubju l-adattament għat-tibdil fil-klima huwa teknikament kumpless, joffri sfida finanzjarja u jeħtieġ impenn amministrattiv globali. Valutazzjonijiet reċenti mill-Kummissjoni Ewropea relatati mal-progress ta’ Malta fl-adattament għat-tibdil fil-klima nnutaw diversi aspetti li jeħtieġu titjib, simili għal uħud mis-sejbiet u l-konklużjonijiet ta’ dan l-awditu tal-prestazzjoni. Filwaqt li jirrikonoxxi l-iżviluppi f’dan il-qasam, l-NAO jħeġġeġ lill-Entitajiet Governattivi biex jikkunsidraw serjament id-diversi rakkomandazzjonijiet li qed jiġu proposti f’dan ir-rigward. Dawn huma maħsuba biex isaħħu l-governanza tal-adattament għat-tibdil fil-klima, specjalment f’termini ta’ min huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tad-diversi inizjattivi, it-teħid t’azzjoni f’waqtha, kif ukoll it-titjib tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost il-partijiet interessati prinċipali.

Ir-Rapport jista’ jiġi aċċessat billi żżur il-website tagħna www.nao.gov.mt jew il-paġna ta’ Facebook www.facebook.com/NAOMalta.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow