Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Il-Gvern jintroduċi Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura

pr251123
Date Icon 23/06/2025

Fl-aħħar ġimgħat il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ħabbar pakkett ta’ emendi kostituzzjonali bil-għan li jkomplu jsaħħu l-istandards u l-effiċjenza fis-settur tal-ġustizzja. 

Dawn huma żviluppi kostituzzjonali li jkomplu jibnu fuq ir-riformi li twettqu mill-2020 ’il quddiem fil-kostituzzjoni ta’ pajjiżna, u li bihom pajjiżna stabbilixxa standards Ewropej.

Il-Gvern għal dawn l-aħħar ġimgħat iddiskuta r-riforma kostituzzjonali u sussegwentement ippreżenta mozzjoni ta’ proċedura li permezz tagħha ttieħed il-vot f’kull klawżola. Il-Gvern ivvota favur l-introduzzjoni ta’ figura ġdida – ‘il-Kummissarju għall-istandards tal-Ġudikatura’ bil-għan li jaġixxi bħala punt ta’ riferiment indipendenti għall-investigazzjoni ta’ lmenti kontra membri tal-ġudikatura.

Għall-ewwel darba ċ-ċittadin se jingħata l-possibbiltà li jressaq ilment hu billi jikteb direttament lill-Kummissarju u mhux biss permezz tal-Prim Imħallef jew Ministru tal-Ġustizzja, kif kien il-każ s’issa.

Dan il-Kummissarju se jkun qiegħed jiġi maħtur mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għal perjodu ta’ tliet snin.

Min-naħa tiegħu l-Kummissarju għandu jilqa’ tħassib bil-miktub mill-Prim Imħallef, il-Ministru jew il-pubbliku dwar membri tal-ġudikatura, jinvestiga l-ilmenti fil-magħluq, jisma’ lill-partijiet kollha u jiġbor informazzjoni. Hu ser ikun qiegħed jirrapporta bil-miktub lill-Prim Imħallef u lill-Ministru, b’kopja lill-ġudikant investigat, biex jiddeċiedi jekk hemmx biżżejjed evidenza biex jibdew proċeduri dixxiplinarji.

Jekk il-każ jiġi riferut lill-Kumitat għall-Imħallfin u l-Maġistrati, il-Kummissarju jista’ jaġixxi bħala prosekutur f’isem l-ilmentatur. Fl-aħħar mill-aħħar wara li l-Kummissarju jkun investiga l-każ, huwa l-Kumitat għall-Imħallfin u l-Maġistrati fi ħdan il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li jagħti l-ġudizzju tiegħu b’mod indipendenti u imparzjali.

Dan se jissarraf f’aċċess aktar dirett għall-poplu fil-proċess dixxiplinarju, aktar kontabbiltà fil-ġudikatura u rispons aktar strutturat u effiċjenti għal nuqqasijiet fi dmirijiet ġudizzjarji.

Il-Gvern huwa kommess li jkompli jressaq riformi bla preċedent, inkluż dawk kostituzzjonali biex isaħħaħ is-saltna tad-dritt u s-settur tal-Ġustizzja f’pajjiżna. Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard tenna li “L-iżviluppi kostituzzjonali għandhom ikunu proċess kontinwu, dejjem fl-aħjar interess taċ-ċittadini tagħna. Fil-qasam tal-ġustizzja, dan il-gvern implimenta riformi storiċi skont l-standards internazzjonali, u nibqgħu impenjati li nżommu dan il-pass sabiex il-ġustizzja tkompli sservi liċ-ċittadini tagħna b’mod ġust u effettiv.”

Il-Gvern juri l-apprezzament lill-Ispeaker tal-Kamra Dr Anġlu Farrugia li mexxa l-proċess parlamentari b’responsabbiltà, fejn iddikjara l-klawżoli rispettivi b’rispett lejn il-Kostituzzjoni u skont il-mozzjoni ta’ proċedura approvata mill-Parlament li tipprovdi għall-votazzjoni separata fuq klawżoli kostituzzjonali.

L-abbozz ta’ liġi, bl-emendi kostituzzjoni kien jinkludi fost l-oħrajn emendi oħra importanti fosthom l-estenzjoni fiż-żieda tal-età irtirar tal-ġudikatura, l-introduzzjoni ta’ sezzjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali, tisħiħ tal-proċess tal-ħatra tal-Prim Imħallef fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u l-indirizzar ta’ lakuni legali li jafu joħolqu impass fl-eventwali ħatra ta’ Awditur Ġenerali, liema emendi kellhom favur tagħhom l-voti tal-Gvern, u dawk kontra tal-Oppożizzjoni u għaldaqstant ma għaddewx għax ma kisbux il-vot ta’ żewġ terzi tal-kamra tar-rappreżentanti.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow