Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU

pr251122
Date Icon 23/06/2025

Id-Deputat Prim Ministru Borg iħeġġeġ għal impenn internazzjonali ta’ medjazzjoni biex l-eskalazzjoni bejn l-Iżrael u l-Iran ma tkomplix tinfirex fir-reġjun

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, ħeġġeġ lill-UE biex tingħaqad u taħdem b’mod attiv ma’ msieħba reġjonali u mal-Istati Uniti f’impenn ta’ medjazzjoni bejn l-Iżrael u l-Iran, sabiex jiġi evitat li l-kunflitt jinfirex mar-reġjun, biex ma jkunx hemm xkiel fir-rotot tat-tbaħħir, u biex jiġu skansati riskji nukleari.

It-Tnejn filgħodu, Dr Borg ħa sehem fil-laqgħa ta’ Ġunju tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE, li ffukat fuq il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Iran, is-sitwazzjoni f’Gaża, l-aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna, u dak li għaddej fil-Libja u pajjiżi ġirien oħra.

“Filwaqt li l-Iran qatt m’għandu jikseb arma nukleari, l-użu sfaċċat tal-forza, li qed iwassal għall-qtil ta’ mijiet ta’ ċivili miż-żewġ naħat, qatt m’hu ġustifikabbli,” qal Dr Borg, hekk kif enfasizza l-ħtieġa ta’ soluzzjonijiet diplomatiċi, imsejsa fuq it-twemmin li l-vjolenza ma tistax tikseb is-sigurtà.

Id-Deputat Prim Ministru Borg irrefera wkoll għax-xeni ta’ qsim il-qalb ta’ dan l-aħħar, waqt tqassim tal-għajnuna umanitarja f’Gaża. “Inħoss li għandi nerġa’ nisħaq li l-użu tal-ġuħ bħala arma tal-gwerra u l-ispustjar sfurzat ta’ komunitajiet sħaħ huma ksur serju tal-liġi internazzjonali, inkluż il-Liġi Umanitarja Internazzjonali,” hu stqarr, hekk kif appella għal sistemi li jiżguraw li ċ-ċivili jkunu jistgħu jaċċessaw l-għajnuna umanitarja b’mod sigur.

Malta tkompli ssejjaħ għal waqfien immedjat mill-ġlied, il-ħelsien tal-ostaġġi kollha mingħajr ebda kundizzjoni, u għal kwantitajiet aktar xierqa ta’ għajnuna umanitarja f’Gaża.

Dwar il-Libja, Dr Borg enfasizza l-importanza li tkompli tingħata attenzjoni għaż-żamma tal-istabbilità, filwaqt tiġi mmassimizzata l-għajnuna mill-Unjoni Ewropea. “Djalogu politiku ġenwin fost dawk kollha involuti huwa essenzjali. Il-proċess għandu jibqa’ mmexxi mill-Libjani nfushom. Aħna nibqgħu nappoġġjaw is-sehem proattiv tal-komunità internazzjonali, favur l-isforzi mmexxija min-Nazzjonijiet Magħquda – jeħtieġ nevitaw li jkun hemm vojt politiku li jista’ jiġi sfruttat minn oħrajn b’intenzjonijiet ħżiena,” huwa spjega.

Malta kompliet ukoll tesprimi l-appoġġ tagħha għal 30 jum ta’ waqfien mill-ġlied mingħajr kundizzjonijiet fl-Ukrajna, sabiex tittaffa t-tbatija tal-persuni ċivili u jinħoloq spazju għal negozjati lejn paċi ġenwina. Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa 2025 qed taħdem biex tiffaċilita t-twaqqif tat-Tribunal Speċjali dwar ir-Reati ta’ Aggressjoni, sabiex ikun hemm ġustizzja u kontabilità għall-poplu Ukren.

B’referenza għad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar sanzjonijiet ġodda kontra r-Russja, Dr Borg tenna l-ħtieġa li l-UE tibqa’ viġilanti dwar l-implikazzjonijiet potenzjali fuq is-swieq tal-enerġija, u kwistjonijiet relatati mat-trasport marittimu, inkluż it-trasferiment minn bandiera għal oħra, u t-theddidiet marbuta mal-hekk imsejħa shadow fleet. Wissa li sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ xokkijiet fil-prezzijiet taż-żejt, ikun għaqli li jiġu evitati deċiżjonijiet unilaterali mill-UE dwar l-Oil Price Cap mingħajr ma jkun hemm koordinazzjoni sħiħa ma’ msieħba internazzjonali oħrajn, fosthom il-pajjiżi tal-G7.

Huwa ssieħeb ukoll fis-sejħa għall-ftuħ tal-ewwel negozjati tas-sħubija tal-Ukrajna fl-UE, hekk kif sostna li “l-progress fil-proċess ta’ sħubija tal-Ukrajna, ibbażata fuq il-mertu, mhuwiex biss fl-interess tal-Ukrajna, iżda wkoll sabiex niżguraw is-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità fit-tul tal-Ewropa.”

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow