STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI Fl-aħħar seba’ snin l-industrija tal-films attirat 169 produzzjoni b’baġit kollettiv ta’ €635 miljun
Waqt konferenza mtellgħa mill-Malta Film Commission f’Fort Ricasoli bl-isem “Opportunity for All: Driving Economic Growth. Creating Careers,” il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici saħaq li l-industrija tal-films f’Malta qed tkompli tissaħħaħ b’rata rekord u qed tikkontribwixxi b’mod sinifikanti lejn l-ekonomija nazzjonali.
Il-Ministru Owen Bonnici faħħar l-iżvilupp straordinarju li għamlet l-industrija speċjalment mill-2018 ’l hawn, fejn matul dawn is-seba’ snin Malta laqgħet 169 produzzjoni tal-films, b’baġit kollettiv li jaqbeż is-€635 miljun.
Fl-istess perjodu, l-industrija ġġenerat aktar minn biljun ewro fiċ-ċirku ekonomiku tagħna, b’kontribut ta’ 18% fit-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż fl-2023 biss.
Il-Ministru Bonnici spjega kif fl-2018 l-industrija kienet għaddejja minn sfidi kbar, b’ħaddiema mingħajr xogħol u b’nuqqas ta’ investiment. Grazzi għall-ħidma kontinwa u l-appoġġ tal-Gvern, is-settur illum huwa wieħed ta’ klassi għolja li qed jipprovdi impjiegi stabbli u opportunitajiet ġodda għal ħafna.
“Waqt li l-isfidi ma jonqsux u rridu nibqgħu dejjem saqajna mal-art nistgħu ngħidu li dak li darba kien meqjus bħala ħolma, illum qed isir dejjem iktar realtà. Illum mhux biss naraw lil Malta fuq Netflix u f’films internazzjonali, imma qed naraw ukoll tfal u żgħażagħ jaraw karriera fil-films bħala għażla fattibbli u sostenibbli,” qal il-Ministru Bonnici.
Huwa saħaq li l-ħidma se tissokta b’iktar investimenti fl-infrastruttura, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, b’mira ċara li jitkabbar it-talent lokali u tissaħħaħ industrija li taħdem għal kulħadd.
Il-kummissarju tal-films, Johann Grech, fid-diskors tiegħu spjega dwar il-Fond għall-Ħiliet li huwa benefiċċju dirett mill-cash rebate. Huwa ħabbar li matul it-tliet snin li ġejjin, se jkunu disponibbli aktar minn miljun ewro biex jappoġġjaw it-titjib tal-ħiliet.
Din il-konferenza ttellgħet bħala parti mill-Mediterrane Film Festival u ġabet flimkien studio executives, diretturi, location managers, u diversi persuni oħra mill-qasam tal-produzzjonijiet internazzjonali tal-films f’pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN