STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI: Il-Ministru Owen Bonnici jżur l-aħħar preparamenti għall-Mediterrane Film Festival
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar il-preparamenti finali tal-Mediterrane Film Festival. Huwa kien akkumpanjat mill-Kummissarju tal-Films Johann Grech.
B’100 sena ta’ storja fil-produzzjoni tal-films, Malta qed tkompli tikkonsolida l-pożizzjoni tagħha fis-suq globali tal-films. Il-Mediterrane Film Festival isservi wkoll bħala pjattaforma sabiex pajjiżna jkompli jattira aktar films biex jinħadmu f’Malta.
Il-Ministru Bonnici faħħar il-preparazzjonijiet li għaddejjin għal dan il-festival u rringrazzja lil dawk kollha li huma involuti sabiex dan il-festival jittella’ b’suċċess.
Il-festival se jibda’ proprju għada, is-Sibt 21 ta’ Ġunju, bi screening ta’ Gladiator II, film li ħaddem numru sostanzjali ta’ crew Maltin u Għawdxin meta ġie ffilmjat f’Malta fl-2023.
L-avveniment ta’ għada fil-Fort Ricasoli huwa biss wieħed mill-55 screening ippjanati għal dan il-festival, li jibqa’ għaddej sad-29 ta’ Ġunju. L-iscreenings ser iġibu flimkien films artistiċi, blockbusters, produzzjonijiet lokali u klassiċi ma’ uħud mill-aktar postijiet emblematiċi ta’ Malta, bħal Fort Ricasoli, Laparelli Gardens, Spazju Kreattiv u l-Embassy Cinemas fil-Belt Valletta
Fost il-films ewlenin hemm Popeye, Murder on the Orient Express, Assassin’s Creed, Troy u Wicked. Films oħra ta’ interess jinkludu l-produzzjoni Maltija Ciao Ciao, Fiume o Morte!, The Theft of The Caravaggio, Harvest, Hot Milk u Where the Wind Comes From, fost oħrajn.
Waqt il-Mediterrane Film Festival se jittellgħu wkoll numru ta’ masterclasses u panels bil-parteċipazzjoni ta’ kelliema distinti fl-industrija ċinematografika dinjija.
Il-biljetti huma limitati u jistgħu jinkisbu fuq mediterrane.com. Id-dħul kollu mill-iscreenings se jmur b’risq Puttinu Cares.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN