STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI: Diskussa l-Perspettiva għal Għawdex tal-Viżjoni Malta 2050 f’laqgħa tal-MCESD
Waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), li għaliha kien hemm preżenti l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia, ġiet diskussa l-Perspettiva għal Għawdex tal-Viżjoni Malta 2050.
Il-Ministru Clint Camilleri ddikjara li l-Viżjoni Malta 2050 qed tkompli tibni fuq l-istrateġija ‘Għawdex: Gżira ta’ Villaġġi’ li tnediet sentejn ilu, bil-għan li titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u jinbena futur aktar sostenibbli. Din il-viżjoni qed tiġi żviluppata flimkien ma’ diversi stakeholders u setturi, b’enfasi fuq it-tisħiħ tal-konnettività u l-iżvilupp ekonomiku u turistiku tal-gżira.
Il-ministru semma avvanzi kbar fil-konnettività, fosthom it-titjib fis-servizzi tal-Gozo Channel, l-introduzzjoni tal-fast ferry u l-qbil fuq skedi adattati. F’dan il-kuntest, ħabbar ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jibda x-xogħol fuq ir-rural airfield, pass li skontu se jkompli jkabbar l-ekonomija u jżomm iż-żgħażagħ fil-gżira Għawdxija.
Fuq livell turistiku, il-Ministru Camilleri saħaq fuq Għawdex bħala destinazzjoni ta’ kull staġun. “Ridna li t-turiżmu jiżdied, imma dan għandu jsir skont meta jaqbel għal din il-gżira, jiġifieri fix-shoulder months. Din il-viżjoni ilna naħdmu fuqha anki permezz tal-attivitajiet kulturali sabiex kellna żieda fejn kien hemm bżonn. F’termini staġjonali, l-akbar żieda fl-2024 kienet fl-ewwel kwart tas-sena (l-istaġun tax-xitwa), fejn rajna żieda ta’ 43%. Dan huwa indikattiv tal-ħidma li qed issir biex nattiraw viżitaturi anke barra l-istaġun tas-sajf. Matul it-tieni kwart tas-sena, jiġifieri matul ir-rebbiegħa, Għawdex ra żieda ta’ 18% fit-turiżmu, filwaqt li l-aħħar kwart tas-sena (matul il-ħarifa) ra żieda ta’ 32%. Is-sajf baqa’ stabbli b’żieda żgħira ta’ 0.4%, li huwa sinjal pożittiv ta’ bilanċ u tnaqqis mid-dipendenza fuq staġun wieħed biss. Issa rridu nkomplu niddirezzjonaw lejn turiżmu ta’ kwalità li jħalli valur miżjud fl-ekonomija ta’ pajjiżna”.
Il-Ministru Clint Camilleri elenka wkoll diversi proġetti li se jibnu fuq din il-viżjoni, fosthom il-Padiljun Sportiv u Akkwatiku u investiment fl-edukazzjoni. Huwa tenna l-ħtieġa li l-iżvilupp jissokta b’mod sostenibbli u li tiġi protetta l-identità Għawdxija, li hija wkoll parti mill-attrazzjoni tal-gżira.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, saħaq fuq l-importanza ta’ djalogu miftuħ u inklussiv bħala pedament għall-progress u s-suċċess tal-pajjiż. Huwa sostna li hemm prova ċara li s-suċċess jirnexxi meta jkun hemm djalogu sinċier, strutturat u kontinwu ma’ firxa wiesgħa ta’ msieħba soċjali. Dan huwa l-mudell li l-Gvern mexa bih tul is-snin u li qed jagħti l-frott tiegħu.
Dr Ellul irrimarka kif il-laqgħa tal-MCESD kienet xhieda ħajja ta’ dan l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni. “Illum, waqt din il-laqgħa tal-MCESD, b’sodisfazzjon kbira nnutajt livell għoli ta’ attiviżmu u kontribut sostanzjali mill-partijiet kollha involuti. Il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tal-Viżjoni Malta 2050 hija indikazzjoni ċara li l-pajjiż qiegħed fuq triq ċara u b’saħħitha biex jagħmel qabża fil-kwalità. Din il-Viżjoni mhux biss qed tiġi mfassla b’sens ta’ responsabbiltà u inklużività, iżda wkoll b’għan wieħed: li nibnu futur li jservi lil kulħadd, mhux għal-lum biss imma għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Għalhekk, dan huwa eżempju ċar ta’ kif id-djalogu soċjali jista’ jkun forza li tmexxi l-pajjiż ’il quddiem.”
Il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia spjega l-impenn li ser ikollu l-Gvern lejn l-implimentazzjoni tal-Viżjoni Malta 2050, wara l-konsultazzjoni sħiħa li ser tibqa’ għaddejja sa Settembru ta’ din is-sena. “Din ser tkun Viżjoni magħmula mill-Maltin u l-Għawdxin għall-Maltin u l-Għawdxin. Fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ser ikollna unit sħiħ iffukat fuq l-implimentazzjoni tagħha, il-Vision Implementation Unit, tim apposta li ser jaħdem fuq policies u liġijiet, costings u KPIs għal kull sena. KPIs li ser ikunu aċċessibbli b’mod pubbliku, f’dokument li ser jibqa’ ħaj u kurrenti.”
Matul din il-laqgħa tal-MCESD flimkien mal-membri tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex (GRC), ġie diskuss ukoll l-irwol ta’ Għawdex bħala komponent ewlieni fil-Viżjoni Malta 2050.
L-imsieħba soċjali tal-MCESD u l-membri tal-GRC resqu diversi suġġerimenti, u enfasizzaw il-potenzjal ta’ Għawdex bħala spazju ideali għal proġetti pilota relatati mas-sostenibbiltà, turiżmu ta’ kwalità u teknoloġiji innovattivi. Saħqu wkoll li Għawdex m’għandux jiġi trattat bħala kopja ta’ Malta, iżda bħala reġjun b’karatteristiċi u prijoritajiet distinti li għandhom jiġu rispettati u valorizzati fi ħdan viżjoni nazzjonali li tirrifletti l-bżonnijiet speċifiċi tiegħu.
Ġie diskuss ukoll il-bżonn li tissaħħaħ il-konnettività u l-infrastruttura tal-gżira biex jinħolqu l-qafas u l-opportunitajiet meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli u l-investiment f’Għawdex. Intqal li Għawdex għandu jkompli jattira impjiegi ta’ kwalità u jkabbar setturi strateġiċi bħall-manifattura intelliġenti u startups, filwaqt li jsaħħu wkoll l-ekonomija rurali u soċjali tiegħu. Issemma wkoll l-investiment fis-settur soċjali, appoġġ lill-NGOs, u koordinazzjoni effettiva bejn politiki u inizjattivi differenti. Il-ħarsien tal-pajsaġġ agrikolu ta’ Għawdex u l-impatti tal-bidla fil-klima ġew ukoll identifikati bħala punti ewlenin fil-kuntest ta’ żvilupp sostenibbli.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN