Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAJD, L-AGRIKOLTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: F’Malta, il-Kummissarju Ewropew għas-Sajd u l-Oċeani jsegwi mill-qrib il-ħidma li għaddejja fis-settur tas-sajd u l-akwakultura

PR251105
Date Icon 20/06/2025

Il-Kummissarju Ewropew għas-Sajd u l-Oċeani, Costas Kadis, temm iż-żjara tiegħu ta’ jumejn f’pajjiżna. L-għan ta’ din iż-żjara kien biex tkompli tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn Malta u l-Unjoni Ewropea fis-settur tas-sajd u l-akwakultura.

Matul iż-żjara f’pajjiżna, il-Kummissarju Ewropew kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo u mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said.

F’Malta, il-Kummissarju Kadis żar l-Ocean Sentinel li huwa bastiment ta’ sorveljanza li jaħdem fil-Mediterran u huwa mmexxi mill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd. Uffiċjali minn Malta u mill-Istati Membri tal-UE jaħdmu flimkien abbord l-Ocean Sentinel biex isegwu l-bastimenti tas-sajd. Hemmhekk, il-Kummissarju Ewropew seta’ jara l-isforzi kontinwi li jagħmel pajjiżna biex jiġi assigurat sajd sostenibbli. Il-Kummissarju osserva wkoll l-operat tal-bastiment, li għandu rwol importanti fl-infurzar tar-regolamenti kemm tal-UE kif ukoll dawk internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tal-interessi tas-sajjieda Maltin u Għawdxin.

Il-Kummissarju Kadis, f’żjara fil-lokalità ta’ Marsaxlokk, iltaqa’ ma’ diversi sajjieda lokali u ddiskuta magħhom l-opportunitajiet u l-isfidi li jiffaċċjaw f’dan il-qasam. Permezz ta’ din id-diskussjoni l-Kummissarju Ewropew seta’ jisma’ u jara r-realtajiet tal-komunità tas-sajd Maltija kif ukoll il-ħidma mill-Gvern Malti biex ikompli jappoġġja lis-sajjieda u l-impenn ta’ pajjiżna lejn prattiċi sostenibbli.

F’żjara fil-faċilitajiet tal-Aquatic Resources Malta, il-Kummissarju Kadis seta’ jsegwi mill-qrib l-aħħar riċerka li qed titwettaq minn din l-Aġenzija fil-qasam tal-akwakultura. Għal din iż-żjara kien hemm preżenti wkoll il-Ministru għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi hekk kif il-Kummissarju ra xi proġetti li qed jitwettqu mill-Aġenzija li huma kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea. Il-Kummissarju Ewropew żar ukoll fish farm biex jara l-prattiċi sostenibbli li jitwettqu f’dan il-qasam.

Iż-żjara tal-Kummissarju Kadis tikkonferma pass ieħor importanti fil-koperazzjoni kontinwa bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, u tħares lejn l-impenn sħiħ għal sajd sostenibbli.

Il-Ministru Anton Refalo stqarr, “Din iż-żjara tal-Kummissarju Ewropew kienet opportunità importanti biex nagħtu vuċi aktar qawwija lill-ħtiġijiet u l-isfidi tas-sajjieda tagħna fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej. Bħala pajjiż żgħir iżda b’wirt marittimu kbir, Malta tkompli taħdem sabiex tħares l-interessi tas-sajjieda tagħna, speċjalment dawk Għawdxin u Maltin, li huma l-qalba ta’ dan is-settur. L-impenn tagħna huwa li niddefendu u nsaħħu l-pożizzjoni tagħhom f’fora Ewropej, inkomplu nippromovu sajd sostenibbli bbażat fuq evidenza xjentifika, u nkunu l-ewwel linja ta’ difiża kontra sfidi bħal dawk tat-tibdil fil-klima. F’dan il-kuntest, Malta se tkompli ssaħħaħ il-koperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni Ewropea biex nassiguraw li l-politiki tal-UE jkunu sensittivi għar-realtajiet u għall-ħajja tan-nies tagħna.”

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said saħqet li din iż-żjara kienet ferm importanti u serviet biex ikomplu jiġu protetti l-interessi tas-sajjieda Maltin u Għawdxin. “Il-Gvern Malti, f’ħidma mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, jibqa’ impenjat li jappoġġja l-komunitajiet tas-sajd lokali u jiżgura li jkun il-vuċi tagħhom fl-aqwa interess ta’ pajjiżna. Iż-żjara tal-Kummissarju Kadis hija xhieda tal-viżjoni tagħna għal settur tas-sajd aktar reżiljenti u sostenibbli,” sostniet Bugeja Said.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAJD, L-AGRIKOLTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: F’Malta, il-Kummissarju Ewropew għas-Sajd u l-Oċeani jsegwi mill-qrib il-ħidma li għaddejja fis-settur tas-sajd u l-akwakultura
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAJD, L-AGRIKOLTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: F’Malta, il-Kummissarju Ewropew għas-Sajd u l-Oċeani jsegwi mill-qrib il-ħidma li għaddejja fis-settur tas-sajd u l-akwakultura
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAJD, L-AGRIKOLTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: F’Malta, il-Kummissarju Ewropew għas-Sajd u l-Oċeani jsegwi mill-qrib il-ħidma li għaddejja fis-settur tas-sajd u l-akwakultura
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAJD, L-AGRIKOLTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: F’Malta, il-Kummissarju Ewropew għas-Sajd u l-Oċeani jsegwi mill-qrib il-ħidma li għaddejja fis-settur tas-sajd u l-akwakultura
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow