Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Panic alarms għal vittmi ta’ vjolenza domestika bl-ikbar riskju jidħlu fis-seħħ minn Lulju

PR251092
Date Icon 19/06/2025

Kollox jinsab imħejji biex minn Lulju li ġej vittmi tal-vjolenza domestika li fir-risk assessment li jkun sarilhom jiġu klassifikati bħala ‘extreme danger’ ikunu offruti s-servizz ta’ panic alarm. Il-panic alarm huwa apparat żgħir li vittmi ta’ vjolenza domestika jżommu fuqhom biex jikkomunikaw mal-awtoritajiet f’każ ta’ emerġenza fejn ma jkunux jistgħu jużaw mezzi ta’ komunikazzjoni oħra, fosthom is-servizz tal-112.

F’sessjoni ta’ informazzjoni mal-ġurnalisti li saret fid-Domestic Violence Hub ta’ Santa Luċija, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri tkellem dwar kif dan il-panic alarm jingħaqad ma’ kullana ta’ inizjattivi li ttieħdu biex jissaħħu s-servizzi offruti lill-vittmi tal-vjolenza domestika u l-istess servizzi jkunu iktar professjonali.

“F’Novembru tas-sena 2020 waqqafna l-ewwel skwadra speċjalizzata li tassisti vittmi ta’ vjolenza domestika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u f’April tas-sena 2021 waqqafna l-Victim Support Agency li tassisti l-vittmi kollha, iżda b’mod partikolari tgħin ħafna vittmi ta vjolenza domestika. Fid-DV Hub f’Santa Luċija, il-Pulizija bdew jassistu vittmi ta’ vjolenza domestika flimkien ma’ diversi professjonisti oħra u dawn id-deċiżjonijiet wasslu biex Malta jkollha l-akbar rata ta’ gender-based violence reporting. Issa mxejna għall-pass li jmiss li nipprovdu panic alarms lil dawk l-aktar meqjusa f’riskju biex immedjatament tkun tista’ tintalab l-għajnuna f’każijiet li lanqas hu possibbli li persuna ċċempel 112. Dan kollu juri r-rieda qawwija li nkomplu nassistu l-vittmi,” qal il-Ministru Camilleri. 

Dan il-proġett li qed jitħaddem mill-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità kien ukoll miżura tal-Budget 2025, u tfassal b’kollaborazzjoni mal-Pulizija, l-FSWS u b’kofinanzjament mil-LESA. Il-panic alarm jingħata mill-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità, jekk dejjem ikun hemm il-kunsens tal-vittma. Wara r-risk assessment issir laqgħa mal-vittma u jiġi spjegat fid-dettall kif taħdem is-sistema u kif għandha tintuża. L-apparat innifsu huwa ċkejken u mgħammar b’teknoloġija li tagħti l-lokalizazzjoni tal-vittmi (il-parametri ta’ fejn tkun) mal-mument li jingħafas. Meta tiġi magħfusa din il-panic alarm, il-pulizija jkollhom dawn id-dettalji fis-sistema tagħhom u jkunu jistgħu jsibu lill-persuna fl-inqas ħin possibbli. Mal-ħin li tiġi magħfusa l-panic alarm, dan l-apparat jibqa’ jagħti signals ta’ fejn tkun qed tiċċaqlaq il-vittma, u jintefa biss mill-pulizija li jkunu marru fuq il-post. Vittma għandha dritt li twaqqaf dan is-servizz meta trid.

Il-Ministru Camilleri ddeskriva dawn il-panic alarms bħala għodda oħra ta’ prevenzjoni, filwaqt li appella lill-vittmi li jkunu qed jagħmlu użu minnhom biex dejjem jibqgħu viġilanti. “Il-panic alarm ma jfissirx li ser issolvi l-vjolenza domestika. Ma jfissirx li għax wieħed ikollu l-panic alarm xi ħadd jista’ jilludi ruħu li biha biss huwa sigur. Din hija għodda oħra favur il-vittma u huwa ħolqa oħra fil-kullana ta’ inizjattivi li għandna marbuta mal-prevenzjoni. Se jkun importanti, imma mhuwiex xi bakketta maġika. Ebda pajjiż, ebda soċjetà mhuma immune għal din il-pjaga tal-vjolenza domestika, jekk taraw x’qed jiġri madwarna dan tifhmuh. Min-naħa l-oħra għandna l-obbligu li nkomplu ninvestu u nsaħħu s-servizzi tagħna u hekk se nibqgħu nagħmlu, f’settur fejn irid ikun hemm sinerġija bejn ħafna msieħba differenti,” temm il-Ministru Camilleri. 

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg saħqet fuq l-importanza tal-introduzzjoni ta’ din l-għodda ġdida, li se tipprovdi livell ieħor ta’ protezzjoni lill-persuni li jistgħu jkunu f’riskju għoli ta’ vjolenza domestika. Hija spjegat kif din l-inizjattiva tifforma parti mill-impenn kontinwu tal-Gvern biex jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ prevenzjoni u ta’ reazzjoni għall-vjolenza domestika.

Hija faħħret ukoll il-ħidma estensiva tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, b’enfasi fuq kampanji edukattivi u ta’ għarfien kemm mal-pubbliku ġenerali kif ukoll permezz ta’ taħriġ ma’ uffiċjali pubbliċi – fosthom il-membri tal-Korp tal-Pulizija – li ħafna drabi jkunu l-ewwel persuni li jiltaqgħu ma’ każijiet bħal dawn.

“Il-vjolenza domestika hija realtà preżenti f’kull pajjiż u f’kull soċjetà. Bħala Gvern, għandna d-dmir li nagħmlu dak kollu possibbli biex din il-pjaga tiġi indirizzata b’mod serju u strutturat. Nifhem li mhux se nkunu qatt f’soċjetà kompletament ħielsa minn każijiet bħal dawn, iżda rridu nibqgħu nipprovdu għodod konkreti ta’ għajnuna u protezzjoni,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Hija żiedet tgħid li l-Gvern se jkompli jwettaq b’serjetà t-Tielet Strateġija Nazzjonali u l-Pjan ta’ Azzjoni 2023–2028 kontra l-vjolenza domestika u li din diġà qed twassal għal inizjattivi u miżuri konkreti.

Preżenti għas-sessjoni ta’ informazzjoni kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Vittmi ta’ Kriminalità Brian Farrugia, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti u s-Supretendent Sylvana Gafà.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Panic alarms għal vittmi ta’ vjolenza domestika bl-ikbar riskju jidħlu fis-seħħ minn Lulju
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow