STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL 36 membru ġdid fil-Korp tal-Pulizija
Sitta u tletin membru ġdid issieħbu fil-Korp tal-Pulizija issa li temmew b'suċċess kors ta' taħriġ fl-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati.
Waqt ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri fakkar lill-kuntistabblijiet il-ġodda li huma mhux se jibdew xogħol kwalunkwe imma vokazzjoni mmirata biex ikollna soċjetà aktar sigura. Qal li s-sħubija tagħhom fil-korp qed issir fi żmien meta “ir-rata ta' kriminalità niżlet għal 30 reat għal kull elf ruħ meta għoxrin sena ilu, meta l-popolazzjoni u l-attività ekonomika kienet ferm anqas, ir-rata kienet ta' 46 każ għal kull elf ruħ."
Il-Ministru Camilleri qal li l-Gvern jibqa' impenjat li jkompli jappoġġja lill-Korp tal-Pulizija b'kull mezz speċjalment fejn jidħlu kundizzjonijiet, drittijiet u għodda. Dan hekk kif ftit xhur ilu ġie ffirmat it-tieni ftehim settorjali għall-Korp tal-Pulizija. Dan minbarra ż-żieda fil-pensjoni għal min iservi 29 sena, u anke allowance addizzjonali għal min iservi aktar. Iddaħħlet ukoll il-pensjoni lir-romol fl-eventwalità li membru tal-korp ikun nieqes fil-perijodu bejn waqt li jkun fis-servizz u l-età tal-irtirar statutorja.
Il-Ministru Camilleri appellalhom biex juru responsabbiltà u impenn biex jieħdu l-aħjar deċiżjoni b'risq il-membri tal-komunitajiet fejn se jservu u biex fuq kollox jaħdmu bla heda biex ikattru l-fiduċja taċ-ċittadini lejhom.
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà fid-diskors tiegħu stqarr li permezz tar-riformi li twettqu f'dawn l-aħħar snin, illum pajjiżna huwa klassifikat mal-għaxar pajjiżi l-aktar siguri fid-dinja. Dan kollu filwaqt li l-Korp tal-Pulizija kien għall-aħħar snin konsistentement meqjus bħala l-aktar istituzzjoni fdata fil-pajjiż.
“Dawn ir-riżultati ferm pożittivi huma mertu ta' uffiċjali kburin u motivati li ta' kuljum jipprovdu servizz professjonali id f'id mal-komunitajiet tagħna," sostna l-Kummissarju filwaqt li qal lill-membri l-ġodda li issa huma flimkien mal-membri l-oħra tal-Korp tal-Pulizija se jkomplu jagħmlu lil pajjiżna fost l-aktar siguri fid-dinja.
Il-Kummissarju Gafà radd ħajr ukoll lill-Kuntistabbli Christine Cutajar hekk kif se tirtira fil-ġimgħat li ġejjin, li matul is-snin kienet responsabbli minn ħmistax-il reklutaġġ ta' kuntistabbli fil-korp inkluż dan ir-reklutaġġ.
Il-premju PC Mark Farrugia għall-aħjar rekluta ngħata lil kuntistabbli Nicholas Bugelli.
Preżenti għaċ-ċerimonja tal-ġurament u tal-passing out kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Joyce Dimech, il-Kmandant tal-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati Karen Galea u ċ-Chairperson tal-Bord tal-Akkademja l-Professur Raymond Mangion.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN