STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER “L-artiġjanat Malti huwa pilastru tal-identità tagħna” – l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati
“L-artiġjanat Malti huwa pilastru tal-identità tagħna. Ladarba ninsewh, inkunu qed nitilfu parti minna nfusna,” tenna l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, meta inawgura l-Wirja tal-Artiġjanat Malti fil-Foyer tal-Parlament.
Fid-diskors tiegħu, l-Ispeaker irrimarka li l-artiġjanat mhuwiex biss rappreżentazzjoni ta’ xogħol manwali, iżda hu wkoll xhieda ta’ identità, ta’ għeruq fondi u ta’ għarfien li jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra. Kompla billi qal li l-Parlament qed jilqa’ dan il-wirt b’dinjità, hekk kif qed nilqgħu l-ħidma artistika li, għal sekli twal, għenet tibni u tgħin iżżomm ħajja l-kuxjenza nazzjonali tagħna.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia esprima rikonoxximent lill-Malta Crafts Foundation għall-ħidma tagħha biex tippromwovi u tissalvagwardja dawn is-snajja’ u t-talenti, u faħħar lil dawk l-artiġjani li jgħaddu l-għarfien lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri qal li din is-sena l-wirja qed tingħata importanza speċjali, peress li qed issir fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż; il-Parlament.
“Bħala Gvern nibqgħu kommessi li nibqgħu nagħtu l-għajnuna neċessarja lil dan is-settur. Anke bħala parti minn Viżjoni Malta 2050 m’għandniex inħarsu biss lejn il-valur ekonomiku ta’ settur, iżda l-artiġjanat għandu valur importanti ta’ wirt u identità nazzjonali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Crafts Foundation, Elton Micallef, qal li din il-wirja ma tiċċelebrax biss prodotti, imma valuri bħall-awtentiċità, il-kreattività, id-dedikazzjoni u s-sens ta’ komunità. Qal li din għandha tkun ta’ ispirazzjoni għal kulħadd biex nibqgħu napprezzaw u nsaħħu l-artiġjanat bħala parti importanti mill-futur ta’ Malta.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN