STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR: Rainwater Harvesting Park f'Għajnsielem se jiġbor 84,000 metru kubu ta' ilma
Beda x-xogħol fuq il-proġett ta' Rainwater Harvesting Park f'Għajnsielem Għawdex, proġett ta' spazju miftuħ sostenibbli.
Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri, flimkien mal-Kunsill Lokali ta' Għajnsielem u t-tim ta' Project Green żaru dan is-sit li jkopri medda t'art ta' madwar 1,140 metru kwadru.
Dan is-sit se jiġi mibdul fi spazju rikreattiv hekk kif il-bandli Amabile Cauchi fil-Pjazza tad-Dehra se jiġi trasformat f'park li jiffaċilita ż-żamma tal-ilma mmirati biex jonqsu l-għargħar, u jinżamm l-ilma tax-xita.
Fil-fatt, il-proġett se jkun qed jiġbor mal-84,000 metru kubu ta' ilma biex imbagħad jintuża għat-tisqija.
B'investiment ta' madwar miljun ewro, se jkunu qed isiru diversi interventi, fosthom faċilitajiet ġodda għal-logħob tat-tfal għal kull età, anfiteatru u hub edukattiv. Dan il-hub edukattiv se jkun qed joffri informazzjoni fuq widien u kif isir il-proċess tal-ħażna tal-ilma. Fl-istess waqt dan il-Park se jkun qed jinkludi gym fuq barra u faċilitajiet pubbliċi.
“Qed inwettqu l-wegħda li għamilna, li niftħu spazji miftuħa aċċessibbli għal kulħadd f'Malta u Għawdex. Il-proġett li qed naraw illum se jitgawda minn madwar 3,000 resident li jgħixu mal-għaxar minuti mixi 'l bogħod. Permezz ta' proġetti bħal dawn qed naraw kif il-komunità tista' tingħaqad flimkien u tkun tista' tgawdi minn spazji miftuħa, li fih tilqa' mhux biss ir-residenti ta' Għajnsielem imma anke residenti tal-madwar, u lil dawk li jżuru l-gżira Għawdxija," qalet il-Ministru Dalli.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “dan il-proġett huwa eżempju ċar ta' kif nistgħu ninvestu f'infrastruttura ħadra li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħna. Fil-fatt, se ssir l-infrastruttura neċessarja sabiex l-ilma li jgħaddi minn hawnhekk u jkompli sejjer għall-Wied tal-Imġarr jinġabar f'ġibjuni sabiex jintuża wkoll għall-irrigazzjoni ta' dan l-ispazju. Dan hu proġett importanti ta' Project Green sabiex inkomplu nsebbħu l-ispazji miftuħa li għandna. Bħala Gvern kommessi li nkomplu għaddejjin b'dawn il-proġetti ta' spazji miftuħa li jintlaħqu faċilment bil-mixi mir-residenti u għalhekk jitgawdew min-nies tal-lokal."
Il-Project Manager ta' Project Green Joseph Borda qal kif dan il-proġett f'Għajnsielem se jkun qed jgħaqqad diversi elementi, minn dak edukattiv sa elementi sostenibbli u aċċessibbiltà. Żied jgħid, “F'dan il-proġett se nkomplu nsaħħu l-aċċessibiltà li tmur lil hinn minn passaġġi aċċessibbli, hekk kif f'dan il-proġett se nkunu qed ninkludu sinjali ta' Braille kif ukoll tagħmir tal-logħob aċċessibbli anke addattati għal tfal bl-awtiżmu."
Dan il-proġett huwa wieħed minn 16-il proġett taħt l-iskema Community Greening Grant, fejn b'investiment ta' €10 miljun qed jissarrfu fi proġetti ambjentali madwar Malta u Għawdex.
Is-Sindku ta' Għajnsielem, Kevin Cauchi, stqarr, “Is-sabiħ ta' dan il-proġett hu li mhux biss se nagħtu dehra ġdida lil dan il-bandli u nibdlu l-equipment, imma se nwettqu proġett li jibda mill-art 'l isfel. Peress li dan il-bandli jinsab mibni fuq wied, se nkunu qed naħżnu l-ilma mix-xita, u permezz ta' sistemi apposta, dan l-ilma mhux se jintilef, iżda jinħażen u jmur fis-sistema tal-ilma taħt il-pjan. Dan qed nagħmluh biex ngħinu fil-konservazzjoni tal-ilma. Meta jitlesta l-proġett, se jkollna spazju miftuħ mill-isbaħ li minnu se jgawdu r-residenti, b'mod partikolari l-familji u t-tfal tagħna."
Ritratti: MEEC/MGP
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN