STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI: Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul bl-ewwel żjara uffiċjali fl-MCCAA
Isiru aktar minn 13,000 verifika fuq prodotti fis-suq Malti
Matul is-sena li għaddiet twettqu aktar minn 13,000 verifika fuq prodotti fis-suq Malti mill-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), bħala parti mill-impenn kontinwu sabiex il-konsumatur jibqa' jgawdi minn prodotti siguri u tal-aqwa kwalità. Din il-ħidma tikkonferma l-impenn tal-Gvern lejn il-protezzjoni tal-konsumatur u suq aktar trasparenti
Dan tħabbar waqt żjara uffiċjali fl-MCCAA mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, fejn faħħar l-irwol ewlieni tal-Awtorità fil-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumatur u fil-promozzjoni ta' ambjent kummerċjali ġust u affidabbli.
Matul iż-żjara, is-Segretarju Parlamentari Ellul kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti Carlos Tabone, fejn iltaqgħu mal-ħaddiema mid-diversi dipartimenti tal-Awtorità u ddiskutew il-ħidma tagħhom, u kif ukoll l-prijoritajiet li qed jaħdmu fuqhom.
Is-Segretarju Parlamentari spjega kif kwart biss mill-operat tal-Awtorità huwa ffukat fuq l-affarijiet tal-konsumatur, hekk kif l-Awtorità tħares ukoll li jkun hawn kompetizzjoni ġusta f'pajjiżna, tieħu ħsieb ir-regolamenti tekniċi, kif ukoll l-akkreditazzjoni u standards ta' servizzi u prodotti, sabiex f'pajjiżna jkollna servizzi ta' kwalità.
Ġie spjegat li l-ispezzjonijiet li saru matul is-sena li għaddiet kienu fuq prodotti li jkunu ser jidħlu fis-suq Malti, jew inkella li jkunu diġà daħlu. Matul dawn l-ispezzjonijiet, li jsiru fuq prodotti li l-konsumatur Malti jista' jixtrihom kemm online u kif ukoll fiżikament min-negozji f'Malta, l-Awtorità wettqet verifikazzjonijiet, sorveljanza u ttestjar, sabiex mhux biss tassigura li l-prodotti fis-suq ikunu konformi mar-regoli iżda wkoll li dawn il-prodotti jkunu tal-aqwa kwalità għall-konsum.
“L-Awtorità toffri servizzi professjonali sabiex tħares u tipproteġi l-benesseri tal-konsumatur Malti billi tispezzjona l-prodotti fis-suq Malti, sabiex il-konsumatur jibqa' jkollu s-serħan tal-moħħ li l-prodotti li juża huma siguri, affidabbli u jikkonformaw mal-istandards nazzjonali u Ewropej," tenna Dr Ellul u żied jgħid li l-ħidma li qed twettaq l-Awtorità hija wkoll konformi mal-Viżjoni Malta 2050.
“L-MCCAA mhix sempliċiment regolatur. Hija istituzzjoni nazzjonali kruċjali li tippromwovi ġustizzja fis-suq, tiżgura standards ta' kwalità, u tibni fiduċja fost il-konsumaturi. Il-Gvern jibqa' impenjat bis-sħiħ biex jappoġġja l-Awtorità fil-missjoni tagħha li tipproteġi lill-konsumaturi u tħeġġeġ negozji jkunu dejjem aktar responsabbli u trasparenti," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Ellul.
Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-MCCAA, Carmen Ciantar sostniet, “Bħala Awtorità nibqgħu ffukati biex niżguraw li s-suq jopera b'mod ġust, li l-konsumaturi jkunu infurmati u protetti, u li l-istandards tal-prodotti jibqgħu jirriflettu l-ogħla livelli ta' sigurtà u kwalità."
Matul iż-żjara, id-diskussjoni ffukat ukoll fuq il-prijoritajiet tal-Awtorità għaż-żmien li ġej, fosthom it-trasformazzjoni diġitali, l-effiċjenza fl-infurzar u involviment aktar effettiv maċ-ċittadini u n-negozji.
Ritratt: OPM_PS
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN