STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Miftuħa l-applikazzjonijiet għall-iskema għall-ħarsien tal-majjali
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar li l-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali, sas-27 ta' Ġunju 2025, qed tilqa' l-applikazzjonijiet għall-iskema għall-ħarsien tal-majjali. Din l-iskema toffri għajnuna diretta lir-raħħala Maltin u Għawdxin li jrabbu l-majjali, bil-għan li jkomplu jiġu mtejba l-kundizzjonijiet fejn jinżammu l-annimali.
B'allokazzjoni totali ta' aktar minn €2.2 miljun fuq medda ta' ħames snin, din l-iskema hija xhieda tal-impenn tal-Gvern favur prattiki agrikoli li jħarsu d-dinjità tal-annimali u li jippromwovu aktar sostenibbiltà fis-settur.
“L-iżvilupp tas-settur irid dejjem jimxi id f'id mal-ħarsien tal-annimali. Irridu settur li mhux biss jipproduċi, imma li jagħmel dan b'kuxjenza, b'għarfien, u b'umanità. Qed nassiguraw ukoll li l-bdiewa u r-raħħala jkollhom l-għodod u l-appoġġ meħtieġ biex ikunu parti minn din il-bidla pożittiva. Għaldaqstant nirringrazzja lil dawk kollha li diġà ħadu l-pass – b'dedikazzjoni u b'serjetà – biex jagħmlu differenza konkreta fil-ħarsien tal-annimali," sostna l-Ministru Anton Refalo.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN