STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Imħarsa l-interessi tas-sajjieda Maltin: sorveljanza fl-ibħra internazzjonali permezz tal-Ocean Sentinel
L-Ocean Sentinel hija waħda mit-tliet bastimenti ta’ sorveljanza mqabbda mill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) li bħalissa qed twettaq spezzjonijiet marittimi, b’mod partikolari fil-Mediterran.
Dan il-bastiment qed iwettaq ħidma kruċjali sabiex jiġi assigurat li l-bastimenti tas-sajd josservaw il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea, tal-GFCM (General Fisheries Commission for the Mediterranean) u tal-ICCAT (International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas), b’mod partikolari fl-ibħra internazzjonali.
Uffiċjali minn Malta u mill-Istati Membri tal-UE qed jaħdmu flimkien abbord l-Ocean Sentinel biex isegwu l-bastimenti tas-sajd. Bħalissa, minħabba l-istaġun tas-sajd għat-tonn, l-ispezzjonijiet qed jiffokaw fuq bastimenti tal-metodu ‘purse seine’ kif ukoll bastimenti li jwettqu t-trasport ta’ tonn (towing vessels), li jinsabu 25 mil nawtiku ’l barra min-Nofsinhar ta’ Malta, iż-żona fejn isiru l-aktar qabdiet. L-Ocean Sentinel qed tagħti kontribut siewi f’dan is-settur hekk kif fl-aħħar staġuni sabet numru ta’ ksur li wrew kemm dan il-bastiment hu effettiv fil-kontroll tas-sajd.
Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura qed jipparteċipa b’mod attiv f’din l-inizjattiva, permezz tal-involviment ta’ spetturi fuq il-vapur kif ukoll fil-Control Room tal-EFCA li tinsab Vigo, fi Spanja. Dawn isegwu l-monitoraġġ tas-sistema VMS, jirreġistraw il-qabdiet u jinfurzaw fejn ikun hemm bżonn.
Riċentament, sar infurzar importanti meta xi bastimenti minn pajjiżi terzi daħlu fit-territorju tas-sajd lokali mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa. Dawn il-vapuri, fosthom bastimenti Torok, ġew osservati qrib mill-kosta Maltija u ttieħdu l-passi neċessarji.
Wara li ftit snin ilu numru ta’ sajjieda Maltin għaddew informazzjoni dwar attivitajiet illegali minn bastimenti barranin, dan wassal biex l-EFCA u l-Kummissjoni Ewropea wieġbu għat-talbiet ta’ Malta u bdiet tintbagħat l-Ocean Sentinel fil-medda ta’ Sqallija sabiex jissaħħu l-operazzjonijiet ta’ sorveljanza.
Fl-istess waqt, Malta qed tkompli taħdem fuq livell Ewropew, b’negozjati biex jissaħħu l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Immaniġġjar tas-Sajd (RFMOs) u biex il-GFCM jara li l-obbligi tas-sajjieda Ewropej jiġu infurzati wkoll fuq dawk minn pajjiżi terzi. Intlaħaq ukoll ftehim proviżorju fuq regolament dwar pajjiżi terzi li jippermettu sajd mhux sostenibbli.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said faħħret din il-ħidma li qed issir sabiex jiġu mħarsa l-interessi tas-sajjieda Maltin. “Il-Gvern Malti, permezz tad-Dipartiment tas-Sajd f’koperazzjoni mal-EFCA, jibqa’ impenjat li jħares l-interessi tas-sajjieda Maltin u jippromwovi sajd sostenibbli għall-ġid ta’ kulħadd,” temmet tgħid Bugeja Said.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN