STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Il-President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, Ian Borg, jindirizza l-Kunsill Permanenti tal-OSCE fi Vjenna
“Quddiem sfidi globali, jeħtieġ nirduppjaw l-impenn tagħna biex niżguraw li d-demokrazija, il-paċi u d-drittijiet tal-bniedem jibqgħu jirbħu" – Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, fl-irwol tiegħu bħala President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, indirizza l-Kunsill Permanenti tal-OSCE u ppreżenta l-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa 2025, fi Vjenna, il-Ħamis filgħodu.
Dr Borg irritorna fil-kwartieri tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), ftit xhur wara t-tmiem tal-Presidenza Maltija tal-2024 ta' din l-organizzazzjoni. Filwaqt li tenna l-impenn ta' Malta favur il-multilateraliżmu, enfasizza l-irwol kruċjali taż-żewġ organizzazzjonijiet Ewropej għall-paċi, is-sigurtà u l-kooperazzjoni.
“Dan huwa mument deċiżiv għall-Ewropa, hekk kif sfidi eżistenti u oħrajn ġodda qed ikomplu jheddu l-multilateraliżmu u l-valuri tad-demokrazija, il-paċi u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Ma nistgħux nibqgħu lura. Irridu nirduppjaw l-impenn tagħna biex niżguraw li dawn il-valuri jibqgħu jirbħu," stqarr Dr Borg.
Id-Deputat Prim Ministru Borg radd ħajr lis-57 stat parteċipanti tal-appoġġ tagħhom għall-ħidma tal-Presidenza Maltija tal-OSCE fl-2024. “Il-kisbiet kollettivi tagħna s-sena li għaddiet, fosthom il-ftehim dwar l-erba' karigi ewlenin u l-Presidenza Svizzera għall-2026, juru li minkejja l-pressjonijiet ġeopolitiċi li qed niffaċċjaw, xorta nistgħu naslu għal kunsens - grazzi għall-ispirtu kostruttiv u t-twemmin tagħkom fid-diplomazija. Fuq kollox, grazzi għar-rieda politika."
Waħda mit-temi ewlenin tad-diskors tiegħu kienet l-Ukrajna, hekk kif tenna s-sejħa għal ġustizzja għas-sofferenzi tal-Gwerra t'Aggressjoni tar-Russja. Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa se tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tħaffef it-twaqqif tat-Tribunal Speċjali dwar Reati t'Aggressjoni, li l-Ukrajna u l-mexxejja Ewropej qablu dwaru reċentement f'Lviv, sabiex tiġi żgurata l-ġustizzja u l-kontabilità għall-poplu Ukren.
“Il-prijoritajiet ta' Malta fil-Kunsill tal-Ewropa jirriflettu impenn qawwi biex nagħtu vuċi lil dawk li ħafna drabi ma jinstemgħux – lill-individwi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli u emarġinati, lil dawk li jsofru mill-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni minħabba l-ġeneru jew l-orjentazzjoni sesswali, lill-eluf ta' nisa li qed ibatu l-oppressjoni u l-vjolenza sempliċiment għax huma nisa, lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u lit-tfal vittmi ta' abbużi u sfruttament sesswali, li aktar ma jmur aktar qed jiggravaw permezz tal-użu ħażin tat-teknoloġija diġitali," spjega Dr Borg.
Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa se tiċċelebra wkoll il-75 anniversarju tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem - il-pedament għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bnedmin, id-demokrazija u s-saltna tad-dritt.
“Flimkien, nistgħu nkattru l-koperazzjoni istituzzjonali u nsaħħu l-isforzi konġunti tagħna lejn Ewropa aktar b'saħħitha u reżiljenti. Dan huwa dmirna lejn il-popli tagħna," ikkonkluda Dr Borg, hekk kif appella għal kooperazzjoni eqreb bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-OSCE.
Fi Vjenna, id-delegazzjoni Maltija mmexxija mid-Deputat Prim Ministru Borg iltaqgħet ukoll mas-Segretarju Ġenerali tal-OSCE, il-Ġeneral Feridun H. Sinirlioğlu, kif ukoll mar-Rappreżentant tal-OSCE dwar il-Libertà tal-Istampa, Jan Braathu, tnejn mill-erba' uffiċjali ewlenin tal-OSCE maħtura permezz tal-kunsens unanimu li ntlaħaq waqt il-Kunsill Ministerjali li sar f'Malta f'Diċembru.
Dr Borg kellu wkoll laqgħa mar-Rappreżentant Permanenti tal-Finlandja għall-OSCE u President tal-Kunsill Permanenti tal-OSCE għall-2025, l-Ambaxxatur Vesa Häkkinen, sabiex jawgura lill-Finlandja għall-ħidma tal-Presidenza f'dawn l-aħħar xhur, u biex isostni l-koperazzjoni sħiħa ta' Malta bħala membru tat-Troika, b'appoġġ għall-prioritajiet tal-Finlandja.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN