STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Inizjattiva li se tgħaqqad il-baned Slimiżi flimkien
Is-Sibt 14 ta' Ġunju se tittella' t-tielet edizzjoni tal-attività Sqaqien f'Tas-Sliema. Din l-attività għandha l-għan li tagħti ħajja lill-isqaqien Slimiżi permezz ta' attivitajiet kulturali u tradizzjonali.
L-attività se tibda mis-6pm 'il quddiem fi Sqaq Sant'Elija u Triq San Trofimu, u fiha se jipparteċipaw il-Baned Slimiżi flimkien. Fil-fatt se jkunu erba' baned li jingħaqdu flimkien; is-Soċjetà Mużikali San Girgor, is-Soċjetà Filarmonika Stella Maris, is-Soċjetà Mużikali tal-Karmnu Balluta u s-Soċjetà Filarmonika Sliema.
Id-dettalji dwar din l-attività ngħataw mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Sindku ta' Tas-Sliema, John Pillow. Ġie spjegat ukoll li għal din il-lejla folkloristika Slimiża, se jkun hemm artiġjanat Malti, żfin, diversi kantanti stabbiliti u kif ukoll il-grupp Kantera. Se jkun qed jispikka wkoll it-tieġ tradizzjonali Malti.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet kif din l-attività qed issir permezz ta' fondi tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, maħruġa mill-iskema għall-attivitajiet kulturali. Spjegat li din l-iskema qed tkun ta' sostenn għal diversi kunsilli lokali sabiex itellgħu attivitajiet kulturali marbuta mal-lokalità tagħhom.
“Huwa ta' sodisfazzjon nara li f'lokalità li hija meqjusa bħala waħda moderna, il-kunsill lokali għat-tielet darba qiegħed jirnexxielu jtella' attività kulturali li se tagħti ħajja lit-tradizzjonijiet u l-kultura f'Tas-Sliema. F'din l-attività, il-kunsill lokali rnexxielu wkoll inissel sens ta' għaqda hekk kif se jkun hemm il-parteċipazzjoni tal-Baned Slimiżi flimkien," qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta' Tas-Sliema, John Pillow, sostna li din l-attività qed issir permezz tal-għajnuna finanzjarja li l-gvern fl-aħħar snin ta lill-Kunsilli Lokali sabiex itellgħu attivitajiet kulturali. Qal li permezz ta' din l-attività, is-Sibt filgħaxija Tas-Sliema se tmur lura fis-snin, u l-ħajja folkloristika tal-imgħoddi se terġa' tispikka f'din il-lokalità.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN