Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI €18-il miljun għall-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilitajiet u vulnerabbiltajiet fid-dinja tax-xogħol

PR251001
Date Icon 09/06/2025

Tmintax-il miljun ewro ġew allokati mill-Fond Soċjali Ewropew għat-tieni programm VASTE sabiex jingħata taħriġ lill-persuni vulnerabbli sabiex isibu impjieg.

Il-fondi, mifruxa fuq medda ta' ħames snin, u li se jiġu amministrati mill-aġenzija Jobsplus, żdiedu b'6 miljun ewro fuq l-ewwel programm VASTE. Fl-ewwel programm ingħata appoġġ u taħriġ lil 2,400 persuna b'45% minnhom isibu impjieg sitt xhur wara li temmew il-programm jew inkella komplew jitħarrġu biex jiġu impjegati f'xogħol partikolari.

It-tieni programm VASTE ssawwar wara konsultazzjonijiet bejn Jobsplus, imsieħba soċjali, għaqdiet mhux governattivi u stakeholders oħra.

Waqt it-tnedija tal-programm, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri semma s-suċċessi li nkisbu fil-qasam tax-xogħol tant li minn pajjiż b'numru ta' persuni jfittxu xogħol illum qed nitkellmu fuq tisħiħ kontinwu tas-suq tax-xogħol, u l-anqas rata ta' qgħad fl-Unjoni Ewropea. Il-Ministru Camilleri qal li dan jirrifletti s-saħħa ekonomika tal-pajjiż u l-frott ta' politika li toħloq impjiegi ta' kwalità b'risq titjib fil-ħajja tan-nies.

Huwa spjega li kull persuna f'Malta għandha dritt tkun parti minn dawn is-suċċessi, u dan jinkludi persuni li forsi jsibuha ftit aktar diffiċli biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, jekk ma jirċevux għajnuna speċifika. Huwa qal li l-programm VASTE huwa xhieda ta' kemm il-Gvern jemmen fl-inklussività, il-mobbiltà soċjali u li kulħadd għandu dritt għax-xogħol. Qal li l-programm VASTE se joffri għodda biex persuni b'diżabilitajiet jew vulnerabbli, dawk f'riskju ta' faqar, priġunieri li ser jirritornaw lura fis-soċjetà, persuni li kellhom vizzju tad-droga, jew t'esklużjoni soċjali jingħataw taħriġ biex isibu impjieg. Huwa programm ta' taħriġ li jagħtihom snajja' ġodda u jiftħilhom it-triq għal inklużjoni fis-soċjetà permezz tax-xogħol.

“Permezz tal-programm VASTE, għall-ħames snin li ġejjin, Jobsplus se tappoġġja lil aktar minn 3,000 persuna mid-diversi gruppi vulnerabbli biex iżżidilhom iċ-ċans li jsibu impjieg billi toffri mrewħa ta' pakketti ta' servizzi lil dawk b'diżabilità intellettwali, fiżika jew mentali," qal il-Ministru Camilleri.

Huwa sostna li permezz ta' taħriġ speċjalizzat, dawn il-persuni tabilħaqq ikunu jistgħu jsiru ċittadini attivi li jagħtu kontribut fl-ekonomija. U b'hekk ukoll, bil-fatti, inkunu qed nibnu soċjetà inklussiva u ekwa.

Il-Ministru Camilleri semma li s-servizzi pprovduti huma mmirati wkoll lejn dawk li kienu jabbużaw mid-droga, żgħażagħ żvantaġġati jew ħabsin fuq pre-release leave biex jiksbu snajja' u kompetenzi f'ambjent reali ta' xogħol. Waqt li wera l-apprezzament tiegħu lejn għaqdiet volontarji u mhux governattivi għas-sehem li qed jagħtu f'dan il-programm, il-Ministru Camilleri saħaq li għall-gvern kull persuna għandha sehem x'tagħti biex joktor il-ġid. Permezz tal-VASTE II, persuni b'diżabilità jew bi ħtiġijiet speċjali u speċifiċi jistgħu jintegraw ruħhom mhux biss fid-dinja tax-xogħol imma b'mod sħiħ fis-soċjetà.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, saħaq li l-programm VASTE II huwa eżempju ċar ta' kif il-gvern qed jagħmel l-aħjar użu minn Fondi Ewropej biex jibni soċjetà aktar ġusta u inklużiva. Huwa enfasizza li permezz ta' investiment ta' €18-il miljun, il-programm se jagħti appoġġ konkret lil persuni b'diżabilità, gruppi vulnerabbli, u persuni f'riskju ta' faqar sabiex isaħħu l-ħiliet tagħhom, jiksbu kunfidenza, u jkunu jistgħu jintegraw b'mod attiv fis-suq tax-xogħol. Il-Ministru għalaq billi tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jimplimenta inizjattivi li jwasslu għal aktar opportunitajiet għal kulħadd.

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta' Jobsplus Celia Falzon, saħqet li “f'Malta, fejn qed igawdu l-inqas livelli ta' qgħad fl-istorja, il-vera sfida hija li ninkludu lil dawk li għadhom esklużi mis-suq tax-xogħol." Fuq is-saħħa tas-suċċess tal-ewwel edizzjoni – li laħqet kważi 2,400 persuna vulnerabbli, 60% minnhom b'diżabilità – VASTE II jiftaħ fażi ġdida ta' investiment ta' aktar minn €18-il miljun taħt il-Fond Soċjali Ewropew Plus. Il-programm qed isir f'alleanza b'saħħitha ma' msieħba strateġiċi, li flimkien qed jipprovdu taħriġ, coaching, appoġġ terapewtiku u mentoring. Dan l-approċċ integrat mhux biss jindirizza l-qgħad fost il-persuni l-aktar vulnerabbli, iżda jġib bidla konkreta – b'ġustizzja soċjali, awtonomija personali u impatt ekonomiku li jħalli valur għal kulħadd.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI €18-il miljun għall-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilitajiet u vulnerabbiltajiet fid-dinja tax-xogħol
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI €18-il miljun għall-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilitajiet u vulnerabbiltajiet fid-dinja tax-xogħol
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI €18-il miljun għall-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilitajiet u vulnerabbiltajiet fid-dinja tax-xogħol
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow