STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI: Malta tippresjedi fuq iċ-ċelebrazzjoni tal-35 anniversarju tal-Kummissjoni Venezja
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard indirizza l-ftuħ uffiċjali taċ-ċelebrazzjoni tal-35 anniversarju tal-Kummissjoni Venezja, li saret fi Strasburgu. Malta kellha l-unur li tippresjedi fuq dan l-avveniment importanti, li jfakkar iktar minn tliet deċennji ta' ħidma fundamentali tal-Kummissjoni favur id-demokrazija, is-saltna tad-dritt u l-governanza kostituzzjonali fl-Ewropa.
Filwaqt li tkellem dwar ir-rwol ewlieni tal-Kummissjoni Venezja, Dr Attard iddeskrivieha bħala l-kuxjenza kostituzzjonali tal-kontinent u bħala pilastru essenzjali tar-riformi demokratiċi. Huwa fakkar li l-Kummissjoni twaqqfet fl-1990 bħala risposta għall-bżonnijiet ta' Ewropa li kienet għaddejja minn bidliet kbar, u faħħar il-kapaċità tagħha li tibqa' toffri gwida legali soda fi żminijiet ta' tranżizzjoni istituzzjonali u sfidi demokratiċi.
Il-Ministru Attard enfasizza r-relazzjoni fit-tul ta' Malta mal-Kummissjoni Venezja, fejn Malta kienet wieħed mill-pajjiżi fundaturi. Huwa spjega li f'dawn l-aħħar snin, Malta wettqet numru ta' riformi kostituzzjonali u istituzzjonali b'konsultazzjoni mal-Kummissjoni, li biddlu b'mod sinifikanti s-setturi tal-ġustizzja u demokrazija tal-pajjiż. Dawn ir-riformi saħħew l-indipendenza tal-istituzzjonijiet, żiedu t-trasparenza u saħħu l-fiduċja pubblika fis-sistema tal-ġustizzja.
Il-Ministru tenna l-impenn sħiħ ta' Malta lejn il-proċess ta' riforma u saħaq li r-riforma demokratika m'għandhiex titqies bħala għan li jintlaħaq darba għal dejjem, iżda bħala proċess kontinwu biex jinbnew istituzzjonijiet aktar b'saħħithom li jwieġbu għat-talbiet dejjem jinbidlu tas-soċjetà. F'dan il-kuntest, semma wkoll li bħalissa hemm emendi kostituzzjonali quddiem il-Parlament Malti, li jibnu fuq ir-riformi kuraġġużi li diġà twettqu abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.
Huwa żied jgħid li, hekk kif Malta qed tiċċelebra s-60 anniversarju mill-adeżjoni tagħha mal-Kunsill tal-Ewropa u tassumi l-Presidenza tal-Kumitat tal-Ministri, l-impenn tagħha lejn id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-innovazzjoni jibqa' assolut. Huwa enfasizza l-importanza ta' għodod diġitali biex jissaħħu s-sistemi tal-ġustizzja u biex jiġu indirizzati sfidi ġodda bħall-kriminalità diġitali.
Dr Attard esprima s-sodisfazzjoni tiegħu li Malta kkontribwixxiet fl-edizzjoni l-ġdida tal-pubblikazzjoni ewlenija tal-Kummissjoni Venezja, Checklist dwar is-Saltna tad-Dritt. Din l-edizzjoni aġġornata tinkludi illustrazzjonijiet viżivi u aċċessibbli mill-artista Maltija Nadine Theuma, sabiex id-dokument ikun aktar faċli biex jinftiehem u jilħaq udjenza wiesgħa.
Il-Ministru Attard esprima r-rikonoxximent ta' Malta lejn il-Kummissjoni Venezja għall-ħidma kontinwa u ddedikata tagħha. Huwa qal li l-missjoni tal-Kummissjoni ma hijiex biss parti mill-wirt ta' Malta, iżda impenn komuni fost l-istati Ewropej kollha biex jipproteġu d-demokrazija u s-saltna tad-dritt għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Fil-marġini taċ-ċelebrazzjonijiet, il-Ministru Attard kellu wkoll laqgħa bilaterali mal-President tal-Kummissjoni Venezja, Claire Bazy-Malaurie. Matul din il-laqgħa ġew diskussi l-kooperazzjoni b'saħħitha bejn Malta u l-Kummissjoni, b'referenza għall-implimentazzjoni ta' riformi kostituzzjonali storiċi, kif ukoll il-possibbiltà li tissaħħaħ din il-ħidma b'riformi addizzjonali fil-futur.
Ritratti: MJR
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN