STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Jibda x-xogħol ta’ riġenerazzjoni fi Ġnien tal-Kmand fil-Qrendi
Xogħlijiet ta' riġenerazzjoni biex dan il-ġnien pubbliku jsir aktar sigur u aċċessibbli
Project Green bdiet taħdem fuq xogħol ta' riġenerazzjoni ta' Ġnien tal-Kmand fil-Qrendi, li nbena fil-bidu tas-seklu 19 mill-Kummissarju Ċivili Sir Alexander Ball. Dawn ix-xogħolijiet bdew wara li ftit tal-ġimghat ilu, il-Kunsill Lokali tal-Qrendi ngħata r-responsabiltà ta' dan il-ġnien.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli, flimkien mas-Sindku tal-Qrendi David Schembri u rappreżentanti tal-kunsill lokali, kif ukoll rappreżentanti minn Project Green, żaru l-Ġnien tal-Kmand fil-Qrendi.
Ġnien tal-Kmand fil-Qrendi ta' 1,600metru kwadru, huwa ġnien storiku, wieħed minn bosta ġonna madwar Malta msemmija bħala il-Ġnien tal-Kmand. Dan il-ġnien huwa mqassam f'żewġ partijiet, b'passaġġi u siġar taċ-ċitru li jsawru dan il-ġnien u jagħmluh post ideali fejn wieħed jista' jmur jqatta ftit ħin ta' mistrieħ.
Dan il-ġnien se jkun qed jiġi rriġenerat fejn se jkun qed isir xogħol ta' tisbiħ, kif ukoll xogħol li jtejjeb is-sigurtà u jsaħħaħ l-aċċessibilità biex dan il-ġnien jerġa' jieħu lura l-ħajja u jkun jista' jitgawda mill-pubbliku.
Matul iż-żjara, il-Ministru Miriam Dalli qalet li dan il-proġett huwa mistenni minn bosta residenti Qrendin, madwar 3,150 resident li jgħixu għaxar minuti 'l bogħod minn dan l-ispazju. “Ir-riġenerazzjoni ta' dan ġnien storiku, imur lill'hinn mill-preservazzjoni ta' dan il-wirt storiku. Naf kemm dan il-ġnien huwa għal qalb ir-residenti, u ilu snin magħluq ma jitgawdiex mill-pubbliku. Issa permezz ta' din il-ħidma se nkunu qed nerġgħu niftħu l-bibien ta' dan il-ġnien u jkun jista' jitgawda min-nies," qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Benjamin Vassallo, Head of Design ta' Project Green, qal kif l-aġenzija qegħda f'diskussjonijiet mal-kunsill lokali biex jitfassal pjan ta' kif se jkun qed jiġi implimentat ta' dan il-proġett. “F'dan il-proġett qed naraw li ngħaqdu l-elementi storiċi ma dawk ambjentali, fejn filwaqt li nippreservaw l-istorja, nerġgħu nieħdu dan il-ġnien fil-glorja tiegħu u b'hekk il-pubbliku jgawdu dan il-ġnien storiku ukoll".
Is-Sindku tal-Qrendi David Schembri qal: “Hija grazzi għall-Ministeru għall-Ambjent flimkien ma' Project Green li qegħdin insibu l-għajnuna biex noħorġu l-isbuħija ta' din il-lokalità. Ix-xogħol fl-ewwel fażi ħa jirrikjedi żbir ta' siġar, tħawwil ta' siġar u installazzjoni ta' gates, fost interventi oħra".
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN