STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Malta tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha favur id-Drittijiet tal-Bniedem f’Laqgħa mal-President tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard kellu laqgħa bilaterali fi Strasburgu mal-President il-ġdid tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), l-Imħallef Mattias Guyomar. Il-laqgħa reġgħet ikkonfermat l-impenn sod ta' Malta lejn il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u lejn ir-rwol essenzjali tal-Qorti fil-ħarsien ta' dawn il-valuri komuni.
Il-Ministru Jonathan Attard beda billi feraħ lil President Guyomar għal ħatra riċenti tiegħu, u enfasizza l-importanza tal-tmexxija tiegħu f'dan il-mument kruċjali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa. “Inħossni onorat li qiegħed għal din il-laqgħa f'din il-Qorti, li tibqa' pilastru vitali għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem għal kull Ewropew," qal il-ministru.
Huwa esprima l-appoġġ sħiħ ta' Malta għall-prijoritajiet strateġiċi tal-President – effiċjenza, viżibilità, u responsabbiltà, li jirriflettu wkoll ir-riformi li għaddejjin f'Malta fil-qasam tal-ġustizzja.
Jonathan Attard enfasizza diversi riformi importanti li Malta introduċiet bħala rispons għal sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, waqt li saħaq fuq l-approċċ proattiv ta' Malta lejn il-konformità mad-drittijiet tal-bniedem u l-progress sostenibbli.
“Inħarsu lejn l-implimentazzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem mhux bħala piż, iżda bħala sħubija—responsabbiltà kondiviża biex inżommu l-istat tad-dritt u nippromwovu d-dinjità għal kulħadd," saħaq il-ministru.
Huwa wkoll semma l-impenn sod ta' Malta favur l-indipendenza tal-ġudikatura u t-titjib fl-aċċess għall-ġustizzja – oqsma fejn Malta tibqa' tgawdi mill-kooperazzjoni kostruttiva mal-Kummissjoni ta' Venezja u GRECO.
Filwaqt li l-Ewropa qed tiċċelebra l-75 anniversarju tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Ministru Jonathan Attard esprima s-sodisfazzjon ta' Malta li se tikkondividi l-organizzazzjoni tas-seduta kommemorattiva flimkien mal-Qorti fi Strasburgu.
Fil-konklużjoni, il-Ministru afferma l-appoġġ ta' Malta għall-viżjoni tal-Qorti taħt it-tmexxija il-ġdida. Huwa enfasizza r-rieda ta' Malta li tkompli taħdem mill-qrib mal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem biex tipprovdi ġustizzja f'waqtha, isaħħaħ il-fiduċja pubblika fil-Qorti, u tħeġġeġ is-sinerġija bejn is-sistemi nazzjonali u dawk internazzjonali.
“Nappoġġjaw bis-sħiħ il-viżjoni tagħkom, u nħarsu 'l quddiem biex naħdmu magħkom mill-qrib biex inwasslu 'l quddiem dawn il-prijoritajiet komuni," temm jgħid il-ministru.
Preżenti wkoll għal-laqgħa kien hemm l-Imħallef Lorraine Schembri Orland, l-Imħallef Maltija fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-Ambaxxatriċi Francesca Camilleri Vettiger, ir-Rappreżentant Permanenti ta' Malta għall-Kunsill tal-Ewropa.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN