STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Malta tenfasizza r-Riformi Kostituzzjonali ewlenin biex tissaħħaħ l-Indipendenza Ġudizzjarja fil-Konferenza tal-40 Anniversarju ta’ MEDEL
Waqt il-ftuħ tal-Konferenza biex timmarka l-40 Anniversarju ta' MEDEL li saret fil-Palazz tal-Ewropa fi Strażburgu, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni ta' Malta, Jonathan Attard, tkellem dwar il-pakkett ta' riformi kostituzzjonali importanti li bħalissa qed jiġu diskussi fil-Parlament Malti.
Fost il-proposti ewlenin hemm il-ħolqien ta' Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura, uffiċċju indipendenti li se jistħarreġ l-etika u l-kwistjonijiet dixxiplinarji fil-ġudikatura. Il-Kummissarju se jinħatar mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, immexxija mill-President tar-Repubblika u b'maġġoranza tal-membri ġejjin mill-ġudikatura.
Il-Ministru Attard enfasizza wkoll l-importanza tal-emenda kostituzzjonali proposta li tipprovdi l-ħtieġa ta' konsultazzjoni formali mal-Prim Imħallef qabel ma jsiru ħatriet ġodda għal dik il-kariga. “Dawn ir-riformi jirriflettu t-twemmin tagħna li l-indipendenza tal-ġudikatura trid tkun akkumpanjata minn integrità, trasparenza u fiduċja pubblika," qal Dr Attard, waqt li saħaq li dawn ir-riformi huma frott ta' djalogu kontinwu mal-ġudikatura b'mod partikolari mal-assoċjazzjoni tal-Ġudikatura u ta' kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet Ewropej.
Dawn l-iżviluppi kostituzzjonali jsegwu riformi storiċi oħra li seħħew f'Malta, waslu għal żieda ta' 37% fil-membri tal-ġudikatura mill-2020 'l hawn. Dan jirrifletti l-impenn ta' Malta lejn t-tisħiħ tal-korp tal-Ġudikatura, tal-Kumitat tal-Ħatriet Ġudizzjarji u titjib fil-kundizzjonijiet tas-servizz għall-imħallfin u l-maġistrati.
Is-sessjoni tal-ftuħ tal-konferenza ta' MEDEL, li saret taħt il-Presidenza Maltija tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, ġiet indirizzata wkoll minn:
- Simone Gaboriau, kofundatriċi ta' MEDEL u eks President tas-Syndicat de la Magistrature
- Mattias Guyomar, President tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem
- Francesco Depasquale, President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza fil-Ġustizzja (CEPEJ)
- Mariarosaria Guglielmi, President ta' MEDEL
- Sirpa Rautio, Direttur tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)
Bħala tifkira ta' erbgħin sena ta' impenn lejn l-indipendenza ġudizzjarja, il-konferenza laqqgħet membri tal-ġudikatura, prosekuturi, akkademiċi legali u rappreżentanti ta' istituzzjonijiet Ewropej biex jaffermaw l-impenn kollettiv tagħhom lejn id-demokrazija, il-ġustizzja u s-saltna tad-dritt.
Fl-għeluq tal-indirizz tiegħu, il-Ministru Attard irrikonoxxa l-kontribut ta' MEDEL matul l-erbgħin sena ta' ħidma konsistenti fid-difiża tas-saltna tad-dritt, il-ħarsien tal-indipendenza tal-ġudikatura, u l-promozzjoni tal-valuri demokratiċi madwar l-Ewropa. Huwa fisser lil MEDEL bħala “gwardjan tad-demokrazija u vuċi għall-indipendenza tal-ġudikatura."
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN