STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERGIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Titħabbar konferenza Mediterranja f’Malta dwar it-tibdil fil-klima
Malta se tkun qed tospita konferenza ministerjali fost il-pajjiżi tal-Mediterran f'Settembru li ġej. Il-konferenza li se ssir f'Malta se tkun qed tlaqqa' għall-ewwel darba l-pajjiżi tal-Mediterran biex flimkien jibdew jaħdmu fuq pjan reġjonali li jindirizza r-riskji li jistgħu jirriżultaw mill-għoli tal-baħar kawża tat-tibdil fil-klima.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli waqt il-laqgħa MED9 fis-Slovenja, fejn iltaqgħu l-ministri tal-pajjiżi Mediterranji fl-Unjoni Ewropea. Fost diversi temi matul din il-laqgħa annwali ġiet diskussa r-reżiljenza klimatika fil-Mediterran u x-xogħol li qed isir biex dan ir-reġjun isir hub ta' enerġija nadifa.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-Mediterran u allura anke Malta qed jiffaċċjaw b'mod partikolari t-theddid li ġġib magħha l-kriżi klimatika. “Soluzzjonijiet individwali mhumiex biżżejjed. Għalhekk li hemm bżonn ta' azzjoni reġjonali bbażata fuq solidarjetà u koperazzjoni bejn il-pajjiżi kollha," sostniet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru enfasizzat li l-pajjiżi tal-MED9 għandhom il-potenzjal li jmexxu bl-eżempju, imma biex dan isir il-pajjiżi Mediterranji fl-Unjoni Ewropea jridu jingħaqdu flimkien biex iwasslu 'l quddiem ir-realtà tar-reġjun u fl-istess ħin jaħdmu biex ikun hemm finanzjament mill-UE speċifikament għall-Mediterran.
Il-konferenza f'Settembru, li se ssir flimkien mal-Unjoni għall-Mediterran (UfM), għandha sservi bħala pjattaforma biex jiġu diskussi b'mod miftuħ l-isfidi u s-soluzzjonijiet possibbli u għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' policies klimatiċi li jkunu flessibbli u adattati għar-realtajiet uniċi ta' dan ir-reġjun.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN