STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Servizz terapewtiku għall-familji li jkollhom wild ġdid
Tnieda uffiċjalment is-servizz terapewtiku u ta’ sapport għall-familja fil-fażi ta’ qabel u wara t-twelid, servizz speċjalizzat li joffri sapport emozzjonali u psikoloġiku kemm lill-ommijiet kif ukoll lill-missirijiet matul il-fażijiet delikati u trasformattivi tat-tqala u waqt il-vjaġġ tal-ġenituri.
Dan is-servizz huwa ntiż sabiex jagħti sapport waqt il-perjodu perinatali, żmien li jestendi mit-tqala sa sena wara t-twelid; perjodu deskritt bħala żmien ta’ ferħ, iżda għal 1 minn kull 5 nisa, dan huwa wkoll żmien immarkat mid-dipressjoni, l-ansjetà u t-trawma.
Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, flimkien ma’ Trobbija Pożittiva, li se tkun qed tħaddem dan is-servizz f’pajjiżna.
Il-Ministru Michael Falzon fisser din it-tnedija bħala riflessjoni tal-impenn kontinwu ta’ dan il-gvern lejn il-benesseri tal-familja, is-saħħa mentali, u l-intervent bikri. “Qed nibnu sistema li tirrikonoxxi s-saħħa mentali perinatali bħala prijorità. Kull familja tista’ tgawdi minn dan is-servizz, akkumpanjat ma’ screening bikri li jgħin sabiex jidentifika ċerti kundizzjonijiet emozzjonali”, qal il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson ta’ Trobbija Pożittiva, Ruth Sciberras, tkellmet dwar kif dan is-servizz ġdid huwa grazzi għall-kollaborazzjoni bejn Positive Parenting Malta, id-Dipartiment tal-Istudji tat-Tfal u l-Familja fl-Università ta’ Malta, u s-Servizz tas-Saħħa Mentali Perinatali fl-Isptar Mater Dei.
“Illum jimmarka mument sinifikanti fil-vjaġġ ta’ pajjiżna lejn soċjetà li mhux biss tilqa’ l-ħajja, imma tgħożżha u tappoġġjaha b’mod konkret. Soċjetà li tħares mhux biss lejn it-tfal, imma wkoll lejn il-ġenituri li qed irabbuhom, billi toffrilhom l-għodda u l-appoġġ li għandhom bżonn”, temmet tgħid iċ-Chairperson Ruth Sciberras.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN