STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Titnieda s-seba’ edizzjoni tal-kampanja Saving Our Blue
Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika nieda l-kampanja Saving Our Blue għas-seba' sena konsekuttiva. L-għan primarju ta' din il-kampanja huwa li titqajjem kuxjenza fost il-pubbliku dwar l-importanza li jitnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart, u l-ħtieġa ta' tranżizzjoni minn plastik li jintuża darba għal alternattivi sostenibbli u li jistgħu jerġgħu jintużaw.
Bħala parti mill-inizjattivi ta' din is-sena sabiex ikompli jinħoloq għarfien dwar il-konservazzjoni tal-baħar u l-ħarsien taż-żoni marittimi protetti, tnieda ktieb li jinkludi diversi attivitajiet edukattivi kollha bit-tema tal-ambjent tal-baħar.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet, “Kull tifel u tifla jistgħu jkunu ambaxxatur għall-bidla u s-sostenibbiltà. Aħna se ngħinuhom imexxu l-komunitajiet tagħhom 'il quddiem billi nipprovdu l-għodda u l-għarfien meħtieġ. Meta t-tfal jitgħallmu dwar prattiċi sostenibbli jkunu jistgħu jinkoraġixxu lil sħabhom u lill-familjari biex anke huma jkunu sostenibbli fil-ħajja tagħhom. Flimkien, nistgħu nrawmu ġenerazzjoni ta' mexxejja żgħażagħ b'kuxjenza ambjentali sabiex isawru futur aktar sostenibbli għal kulħadd."
Il-ktieb tal-attivitajiet, disponibbli bil-Malti u bl-Ingliż, għandu l-għan li jeduka lit-tfal b'mod interattiv. Minn din is-sena skolastika li ġejja, dan il-ktejjeb se jitqassam lill-istudenti kollha tar-raba' sena madwar Malta u Għawdex, b'sessjonijiet interattivi li ser jiġu pprovduti mit-Taqsima Strateġika u Komunikazzjoni fi ħdan il-Ministeru.
Flimkien ma' dehra ġdida, se jiġi introdott ukoll sit elettroniku ġdid, sabiex titjib l-aċċessibilità u jiġi ffaċilitat l-użu u l-interazzjoni mal-pubbliku u tissaħħaħ l-parteċipazzjoni f'inizjattivi ta' kampanja u attivitajiet ta' tindif.
Il-kampanja qed tkompli tibni wkoll fuq is-suċċess tal-proġett tar-Realtà Virtwali mniedi fl-2023 u din is-sena se tinkludi esperjenzi immersivi ta' 14-il żona marittima protetta, kif ukoll siti ġodda bħall-fdalijiet tat-Tieqa tad-Dwejra, it-tifrik tal-vapur Hephaestus, Filfla, Billinghurst Cave, il-vapur imġarraf Um el Faroud, il-Park Marittimu taċ-Ċirkewwa, u l-Mellieħa Bay Posidonia Meadows.
Barra minn hekk, għat-tielet sena konsekuttiva, se jerġgħu jiġu installati ballot bins madwar diversi bajjiet madwar Malta, Għawdex, u Kemmuna. Matul din is-sena diġà ġew installati total ta' 60 ballot bins sabiex jiġi mħeġġeġ r-rimi xieraq tal-iskart fiż-żoni kostali.
Il-kampanja Saving Our Blue tnediet bħala parti minn konferenza li mmarkat il-progress tal-proġett, 'Neptune – Restoring Our Posidonia Oceanica Seagrass Meadows', proġett pilota bejn il-Fondazzjoni MEDSEA, il-Fondazzjoni de la Mer u l-Università ta' Malta.
Fil-ħarifa li għaddiet, il-Fondazzjoni MEDSEA bdiet l-ewwel proġett ta' riforestazzjoni marittima fis-sit Natura 2000 tal-Qawra, bil-għan li terġa' tagħti ħajja lill-meded degradati tal-Posidonia oceanica li saritilhom ħsara bid-dgħajjes. Madwar 2,400 qatgħa li jinqalgħu b'mod naturali se jiġu trapjantati 'l fuq minn 200m² ta' qiegħ il-baħar, fond 6m f'żona ta' 1 ettaru. Il-bijologu tal-baħar Prof. Alan Deidun, l-Ambaxxatur tal-Oċean ta' Malta, faħħar dan l-ewwel tentattiv importanti fl-ibħra Maltin biex jiġu restawrati l-mergħat mitlufa tal-Posidonia oceanica Seagrass bħala pass importanti fl-isforzi tal-ġestjoni ambjentali lokali.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex jingħaqad flimkien biex ikun parti mis-soluzzjoni u jagħmel għażliet sostenibbli li jwassal għal ambjent nadif u san. Dawk interessati li jingħaqdu mal-kampanja Saving Our Blue jistgħu jsegwu l-midja soċjali għal aktar informazzjoni u dettalji dwar attivitajiet oħra li qed iseħħu matul din is-seba' edizzjoni tas-sajf.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN