STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Malta tospita r-Raba’ Konvenzjoni Ewropea għal dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ
Bejn is-27 u t-30 ta' Mejju 2025, iċ-Ċentru tal-Konferenzi fil-Mediterran fil-Belt Valletta qiegħed jospita r-Raba' Konvenzjoni Ewropea għal dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, b'total ta' 500 parteċipant minn aktar minn 41 pajjiż. Din il-Konvenzjoni qed tittella' taħt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa minn Aġenzija Żgħażagħ u l-Aġenzija tal-Programm tal-Unjoni Ewropea EUPA, bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa.
Il-Konvenzjoni bit-tema “Youthwork xcelerate" se sservi ta' pjattaforma strateġika għall-kollaborazzjoni u l-innovazzjoni fil-qasam tax-xogħol maż-żgħażagħ madwar l-Ewropa. Dan l-avveniment huwa parti mill-isforzi biex jitressqu 'l quddiem standards għolja ta' xogħol ta' kwalità maż-żgħażagħ u biex titrawwem ċittadinanza attiva fost iż-żgħażagħ Ewropej.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, qal li “Il-Konvenzjoni 'Youthwork xcelerate' tirrifletti l-ħtieġa u l-momentum biex inqajmu kuxjenza ġdida fuq ix-xogħol maż-żgħażagħ. Billi nibnu fuq l-Aġenda Ewropea tax-Xogħol maż-Żgħażagħ u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, nistgħu niżguraw li xogħol ta' kwalità maż-żgħażagħ ikun rikonoxxut u appoġġjat fil-livelli kollha."
Min-naħa tiegħu, Tobias Flessenkemper, Kap tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ tal-Kunsill tal-Ewropa, saħaq li “Youth Workers volontarji u professjonali qed jaraw b'għajnejhom stess l-isfidi li qed jaffaċċjaw iż-żgħażagħ fis-soċjetajiet tagħna. Ix-xogħol maż-żgħażagħ huwa essenzjali biex nitgħallmu, nipprattikaw u ninnovaw id-demokrazija. L-impenn ta' Malta biex ittejjeb l-istandards u l-kwalità huwa ta' ispirazzjoni għal pajjiżi oħra."
Nina Grmusa, President tal-Kunsill Konġunt taż-Żgħażagħ tal-Kunsill tal-Ewropa, sostniet li “Ix-xogħol maż-żgħażagħ huwa kruċjali fi żminijiet ta' inċertezza u spazju ċiviku dejjem jonqos. Irridu nappoġġjaw lill-ħaddiema u lill-organizzazzjonijiet permezz ta' fondi strutturali u spazji inklussivi sabiex niżguraw kwalità, innovazzjoni u impatt aħjar."
Matjaž Gruden, id-Direttur għad-Demokrazija fil-Kunsill tal-Ewropa, qal: “Fi żminijiet ta' polarizzazzjoni u inċertezza, ix-xogħol maż-żgħażagħ mhuwiex lussu — huwa neċessità sabiex insaħħu liż-żgħażagħ biex jerġgħu jiksbu l-ispazju tagħhom, jifformaw il-futur tagħhom, u jipproteġu l-valuri tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, u d-dinjità għal kulħadd."
Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Interġenerazzjonali, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Isport, Glenn Micallef, qal li “Ix-xogħol maż-żgħażagħ huwa forza qawwija għall-inklużjoni, il-parteċipazzjoni u t-tama. Jien kuntent li dan l-avveniment qed iseħħ fil-bidu tal-mandat tiegħi u nħares 'il quddiem lejn djalogu sinifikanti mal-parteċipanti."
Ir-riżultati tal-Konvenzjoni se jifformaw roadmap għall-implimentazzjoni ta' strateġija Ewropea dwar ix-xogħol maż-żgħażagħ, li se tidħol direttament fl-Istrateġija taż-Żgħażagħ tal-UE u tinforma l-politika tal-Istati Membri. Il-konklużjonijiet se jiġu ppreżentati fil-Konferenza tal-Ministri taż-Żgħażagħ tal-Kunsill tal-Ewropa, skedata bejn it-8 u d-9 ta' Ottubru 2025 li se ssir f'Malta wkoll.
Il-Konvenzjoni Ewropea għal dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ bdiet tittella' mill-2010 kull ħames snin u tibqa' l-forum prinċipali għall-iżvilupp tax-xogħol maż-żgħażagħ, l-iskambju ta' politika u l-innovazzjoni kollettiva madwar l-Ewropa.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN