STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Sala kompletament modernizzata f’San Vinċenz de Paul terġa’ tiftaħ il-bibien tagħha għal 30 resident anzjan
Wara xogħol ta' rinnovar estensiv, is-Sala St Francis 2 fi ħdan ir-Residenza San Vinċenz de Paul reġgħet fetħet il-bibien tagħha għal 30 resident; irġiel u nisa. Dan filwaqt li għaddejjin xogħlijiet fuq is-Sala St Francis 1 li mistennija jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin, sabiex iż-żewġ swali jkunu jistgħu jilqgħu lill-anzjani f'ambjent ġdid, komdu u adattat għall-ħtiġijiet tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta' San Vinċenz de Paul, Jorgen Souness, żaru s-sala u ltaqgħu mar-residenti. Huma rringrazzjaw lit-tim kollu għax-xogħol li qed isir biex jinħolqu spazji ta' kura u akkomodazzjoni aktar moderni.
“Dan mhux biss investiment infrastrutturali, iżda pass ieħor ċar lejn mudell ta' kura aktar personalizzat, aktar uman u aktar sensittiv għall-ħtiġijiet individwali ta' kull resident. Aħna nemmnu li ambjent nadif, sigur u funzjonali jagħmel differenza reali fil-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tagħna," qal is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea.
Dan il-proġett ta' żewġ swali, b'investiment ta' €1.6 miljun, sar bi ħsieb li jissaħħu l-kumdità u l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani residenti. L-interventi inkludew spazji komuni ġodda, kmamar akbar u b'aktar dawl naturali, servizzi tal-ilma u drenaġġ imtejba, sistemi ta' arja kkundizzjonata u ventilazzjoni ġodda, kif ukoll impjant ta' ossiġnu mediku f'kull kamra. Kull resident għandu wkoll aċċess għal kamra tal-banju privata u aċċessibbli.
Ix-xogħlijiet fuq SF1 jinsabu fl-aħħar fażijiet, inkluż żebgħa, installazzjoni tal-vinyl u t-tlestija tas-servizzi tal-elettriku u tal-ilma. B'dan il-proġett, San Vinċenz de Paul ikompli jsaħħaħ il-kwalità tal-kura u jagħti dehra aktar moderna u funzjonali lill-faċilitajiet tiegħu, b'viżjoni li tqis id-dinjità, il-benesseri u l-indipendenza tal-anzjani.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN