STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Il-konnettività fuq l-aġenda f’laqgħa mal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew
Waqt laqgħa mal-membri tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew, l-ewwel waħda li qatt saret f’Għawdex, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, enfasizza fuq l-importanza tal-konnettività għall-iżvilupp soċjoekonomiku ta’ Għawdex.
Il-Ministru Camilleri rrimarka li dan il-Gvern ħadem sabiex il-konnettività bejn il-gżejjer tiġi msaħħa hekk kif ġie introdott ir-raba’ vapur li ngħaqad mal-flotta tal-Gozo Channel. Apparti dan, ġie wkoll imniedi servizz affidabbli ta’ fast ferry bejn il-port tal-Imġarr u l-Belt Valletta, kif ukoll saret ħidma mill-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex sabiex fiż-żmien li ġej, il-konnettività tissaħħaħ permezz tat-trasport bl-ajru. Camilleri rrimarka kif għall-Gvern, il-konnettività ma tfissirx biss dik relatata mat-trasport, imma hemm ukoll dik diġitali, hekk kif ġie mqiegħed fiber optic cable ieħor biex b’hekk, din il-konnettività li hija tant essenzjali, tkun waħda sigura.
Meta mistoqsi fuq il-pjanijiet rigward il-flotta eżistenti tal-Gozo Channel, il-Ministru Camilleri qal li bħalissa għaddejjin il-proċessi ta’ procurement sabiex jinxtara r-raba’ vapur ġdid li jkun aktar effiċjenti u anke bil-possibbiltà li jaħdem b’mod hybrid, sabiex dan eventwalment jingħaqad mal-kumplament tal-flotta.
Il-Ministru Camilleri qal kif it-turiżmu jibqa’ kkunsidrat bħala pilastru ewlieni għal Għawdex. Huwa kompla jżid li tul dawn l-aħħar snin, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar nieda diversi inċentivi sabiex ikompli jsaħħaħ it-turiżmu. Dan anke bi programm kulturali mifrux fuq is-sena kollha. Camilleri rrimarka kif din l-istrateġija qed tħalli l-frott hekk kif matul ix-xhur tax-xitwa, Għawdex esperjenza tkabbir fiż-żieda fin-numru ta’ turisti ta’ 44% kkomparati mas-sena preċedenti.
Meta mistoqsi rigward il-policies reġjonali ta’ Għawdex u kif dawn se jkunu qed jikkumplimentaw il-prijoritajiet nazzjonali, Camilleri spjega li peress li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar huwa parti mill-Gvern Ċentrali, il-policies relatati ma’ Għawdex jiġu mressqa quddiem il-Kabinett tal-Ministri direttament.
Il-Ministru Camilleri għalaq l-intervent tiegħu billi sostna fuq l-importanza tal-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer, kemm għall-Għawdxin li jużaw dan is-servizz ta’ kuljum għal raġunijiet ta’ xogħol, skola jew saħħa, kif ukoll sabiex ikomplu jsaħħu s-settur turistiku fil-gżejjer u jattiraw aktar kumpaniji u negozju tal-ogħla livell lejn il-gżira Għawdxija.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN