STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR: Imniedi uffiċjalment il-Gozo Album: Teżor Diġitali ta’ Memorji Għawdxin
Waqt li żar l-istand ta’ Għawdex fil-Public Service Expo, f’Ta’ Qali, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri nieda uffiċjalment il-Gozo Album, gozoalbum.gov.mt, pjattaforma diġitali innovattiva maħsuba biex isservi bħala teżor ta’ memorji u rakkonti storiċi mill-gżira Għawdxija. Kull min żar l-Expo kien minn tal-ewwel li esperjenza l-Gozo Album li mhuwiex sempliċi sit online imma ġabra metikoluża ta’ aktar minn 1,500 ritratt storiku ta’ Għawdex, b’uħud minnhom imorru lura sal-1800.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri qal li “dan il-proġett ambizzjuż, it-tnedija tas-sit gozoalbum.gov.mt, huwa l-frott ta’ kollaborazzjoni eċċellenti bejn id-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, l-Information Management Unit (is-sezzjoni tal-IT tal-Ministeru), u s-Sezzjoni tal-Arkivji Nazzjonali f’Għawdex. Din il-website tqabbel numru estensiv ta’ ritratti antiki li nġabru tul l-aħħar xhur mal-istess ritatti li ttieħdu din is-sena mill-istess angoli sabiex wieħed ikun jista’ jikkompara mhux biss kif inbidlu s-sitwazzjonijiet, il-postijiet, iżda wkoll juru l-progress li sar u forsi wkoll in-nostalġija għal dawk li għandhom aktar età ta’ kif jiftakru ċerti postijiet u spazji.”
Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li dan hu proġett importanti ferm u li jrid jibqa’ jikber anki permezz tal-għajnuna mill-pubbliku speċjalment dawk li għandhom ritratti antiki sabiex ikompli jinbena dan l-album dwar Għawdex mill-passat.
Il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar kontinwament jaħdem biex jippreserva l-wirt kulturali rikk ta’ Għawdex filwaqt li jippromwovi l-innovazzjoni u t-tkabbir u b’dan il-proġett inħoloq mezz innovattiv u interattiv biex il-pubbliku jiskopri l-passat ta’ Għawdex b’mod dokumentat u f’format diġitali aċċessibbli għal kulħadd.
Min-naħa tiegħu d-Direttur għall-Wirt Kulturali John Xuereb qal li “permezz ta’ dan il-proġett inkunu nistgħu ngawdu mhux biss lil Għawdex kif kien fl-imgħoddi imma nqabbluh ma’ Għawdex kif qed jiżviluppa matul iż-żmien. Għal dan il-għan tnediet taqsima f’dan l-album jisimha ‘Then & Now’. Dan huwa proġett uniku fil-Gżejjer Maltin li qed isaħħaħ il-wirt tanġibbli u intanġibbli ta’ pajjiżna.”
Il-Gozo Album joffri għadd ta’ karatteristiċi ewlenin li jagħmluh għodda imprezzabbli għall-esplorazzjoni tal-istorja tagħna fosthom:
• Ktieb tar-Ritratti: Kollezzjoni strutturata b’mod loġiku skont lokalità, deċennju, u tema, li tagħmilha faċli biex issib dak li qed tfittex.
• Then & Now (Imbagħad u Issa): Din il-karatteristika affaxxinanti tippermetti tqabbil dirett bejn kif kienu postijiet ikoniċi fil-passat u kif inbidlu llum, turi l-evoluzzjoni tal-pajsaġġ Għawdxi b’mod viżiv.
• Paġna tal-Fotografi: Din il-paġna tagħti ġieħ lil għadd ta’ fotografi storiċi li ddedikaw ħajjithom biex jaqbdu l-mumenti tal-passat, fosthom Michele Farrugia magħruf bħala ‘il-Badiku’, Richard Ellis, Salvatore Lorenzo Cassar, u Guido Stilon.
• Paġna tat-Timeline: Hawnhekk tista’ ssegwi rakkont kronoloġiku tal-istorja viżiva ta’ Għawdex. Eżempju li jispikka huwa dak tat-Tieqa tad-Dwejra, bir-ritratt l-iktar antik datat 1890 u ieħor meħud fit-8 ta’ Marzu 2017, il-jum traġiku li ġġarrfet.
• Ritratti mill-ajru tal-1943: Immaġini rari li juru lil Għawdex waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, li joffru perspettiva unika fuq dak il-perjodu.
• Informazzjoni Dettaljata dwar ir-Ritratti: Kull ritratt fil-kollezzjoni huwa akkumpanjat minn informazzjoni dettaljata, inklużi d-dati jew l-epoki, l-isem tal-fotografu, u l-post eżatt, li jippermetti esplorazzjoni minn diversi angoli.
Il-Gozo Album diġà qed jiġi integrat mal-Kunsilli Lokali kollha ta’ Għawdex permezz ta’ sistema ta’ widget attiva fuq is-siti uffiċjali tagħhom, b’paġni ddedikati għall-wirt viżiv ta’ kull lokalità. Barra minn hekk, il-Ministeru dalwaqt se jkun qed iniedi plugin għal WordPress, għodda li tippermetti li l-arkivju jiġi integrat faċilment fuq siti oħrajn bħal dawk ta’ skejjel, NGOs, u entitajiet turistiċi, u b’hekk ikompli jxerred dan il-wirt.
Dan il-proġett huwa maħsub biex ikun arkivju ħaj, li mistenni jikber b’mod kontinwu permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-komunità. Il-Ministeru jinsab ħerqan li dalwaqt se jkun possibbli li ċ-ċittadini jtellgħu r-ritratti u l-istejjer tagħhom stess, u b’hekk jikkontribwixxu direttament għall-bini kollettiv ta’ dan il-wirt imprezzabbli.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri temm billi rringrazzja lil kull min kien involut f’din il-ħidma estensiva sabiex dan l-album ta’ Għawdex jista’ jaċċessah il-pubbliku kollu.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN