STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Jitnieda l-portal Uliedna/MyChild: Portal ċentrali bis-servizzi edukattivi kollha f’post wieħed
Waqt l-Expo tas-Servizz Pubbliku fl-MFCC f’Ta’ Qali, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima nieda l-portal Uliedna/My Child, servizz ġdid li permezz tiegħu l-ġenituri u l-kustodji tat-tfal se jibdew isibu, f’post ċentrali, is-servizzi edukattivi kollha mit-twelid sa 18-il sena f’post wieħed.
“Dan huwa servizz li ilna naħdmu fuqu, għaliex konxji mill-isfidi prattiċi li jsibu l-ġenituri u l-kustodji legali li jkollhom bżonnijiet ta’ servizzi kemm edukattivi u sportivi, imma wkoll tas-saħħa, kulturali u wkoll trasport, li ħafna drabi huma mferrxin. Kien għalhekk li tajna bidu għal din l-inizjattiva biex niġbru kollox f’portal wieħed ċentrali”, spjega l-Ministru Clifton Grima.
Huwa kompla jispjega li inizjalment dan il-portal se jiffoka fuq servizzi edukattivi, imma se jespandi gradwalment għal oqsma oħra, fosthom is-saħħa, il-kultura u t-trasport. “B’dan il-mod qed insaħħu l-ġenituri u l-kustodji legali, imma wkoll qed nappoġġjaw lill-istudenti u t-tfal tagħna,” qal il-ministru.
Il-portal huwa wieħed li jiffaċilita l-mod kif tinstab l-informazzjoni għaliex l-aċċess huwa bbażat fuq gruppi ta’ età (0-18) u wieħed isib l-informazzjoni f’waqtha u personalizzata. Apparti dan, il-portal jieħu ħsieb ukoll ifakkar lil dawk li se jibdew jagħmlu użu minnu fuq dati ta’ skadenzi u applikazzjonijiet, fosthom dwar it-trasport skolastiku, l-iskedi tal-vaċċinazzjoni, dati ta’ attivitajiet kulturali u oqsma oħrajn.
“Hemm diversi għanijiet oħrajn apparti li niffaċilitaw il-ħajja tal-ġenituri u l-kustodji legali,” kompla jispjega l-Ministru Clifton Grima. “Permezz ta’ din l-inizjattiva qed nagħtu wkoll appoġġ lit-tfal għaliex permezz tal-portal, ħadd ma jitlef opportunità, servizz jew skadenza importanti.”
Il-portal huwa mfassal biex isir fi stadji, bl-ewwel stadju jiffoka fuq is-servizzi edukattivi, filwaqt li aktar tard jiddaħħlu wkoll servizzi tas-saħħa, tat-trasport, tal-kultura u setturi oħrajn. Dan jippermetti titjib kontinwu bbażat fuq il-ħtiġijiet reali tal-familji. Il-Ministru Grima qal li din hija pjattaforma b’ impenn nazzjonali favur il-familji, biex il-ġenituri jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq dak li jiswa l-aktar: uliedhom.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN