STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Mappa diġitali ġdida biex tiskopri l-ġonna botaniċi Maltin
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA
Mappa diġitali ġdida biex tiskopri l-ġonna botaniċi Maltin
Tnediet website li tiġbor fiha l-informazzjoni kollha dwar il-ġonna botaniċi ewlenin f’pajjiżna. Il-website tinkludi informazzjoni dettaljata dwar il-ġonna botaniċi li jinsabu fiż-żona tal-Furjana; fosthom l-Argotti, il-Mall (Maglio), San Filippu (Upper u Lower), Notre Dame u Sa Maison, tal-Milorda u Ġnien Jubilee (Pinetum).
Dan il-proġett tnieda waqt l-EXPO tas-Servizz Pubbliku mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, Ambjent Malta, u n-National Botanical Garden Steering Committee (NBGSC).
“L-għarfien hu l-ewwel pass biex nipproteġu u ngawdu l-wirt naturali ta’ pajjiżna. B’din il-website n-nies se jkunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni dwar il-ġonna botaniċi, u fuq kollox isiru jafu bihom. Huwa mod ukoll biex nippromwovu l-edukazzjoni ambjentali u l-bijodiversità. Din l-inizjattiva qed tipprovdi l-informazzjoni b’mod ċar u aċċessibbli għal kulħadd; għat-tfal, l-istudenti, riċerkaturi, turisti, familji. Il-ġonna tagħna huma spazji sbieħ u ħajjin, u ta’ min inkunu konxji tagħhom, nitgħallmu dwar il-valur tagħhom, u napprezzawhom,” qalet il-Ministru Miriam Dalli filwaqt li rringrazzjat lil Ambjent Malta u l-Kumitat tax-xogħol li għamlu.
Il-website tinkludi tours virtwali, fejn jiġu spjegati l-karatteristiċi storiċi kif ukoll dawk botaniċi ta’ kull ġnien. It-tour virtwali jwasslek minn punt ta’ interess għall-ieħor, b’dettalji bbażati fuq riċerka estensiva fl-Arkivji Nazzjonali u f’sorsi storiċi oħra.
Il-website tinkludi wkoll mappa tal-kollezzjoni ta’ pjanti preżenti f’dawn il-ġonna, li bħalissa tinkludi madwar 1,870 pjanta li jkopru 311 il-speċi differenti. Meta wieħed jikklikkja fuq punt fil-mappa, tidher immaġni tal-pjanta flimkien ma’ deskrizzjoni testwali ta’ 965 speċi ta’ pjanti, bil-Malti u bl-Ingliż.
Iċ-Chairperson tal-NBGSC Ray Azzopardi qal, “Il-Ġonna Botaniċi Nazzjonali mhumiex biss spazji ħodor, iżda wirt naturali u storiku li qed jingħataw ħajja ġdida permezz ta’ ħidma konġunta taħt il-ħarsien ta’ Ambjent Malta, l-Università ta' Malta, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u Heritage Malta – sabiex dawn il-ġonna jsiru spazji miftuħa, edukattivi u sostenibbli għall-komunità u għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada.”
Wieħed jista’ jaċċessa dan is-sit fuq https://maltabotanicgardens.gov.mt/.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN