STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI Jitnieda dokument ta’ gwida għall-first-time buyers
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes, illum waqt il-Public Service Expo 2025, ħabbar li l-Awtorità tad-Djar qiegħda tniedi dokument ta’ gwida għall-first-time buyers.
Il-Ministru Galdes spjega li dan id-dokument sar bil-għan li joffri gwida ċara lil dawk li sejrin jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, sabiex jigwidahom tul dan il-proċess hekk importanti f’ħajjithom, inkluż fuq l-iskema tal-first-time buyers li qiegħda tagħti għotja ta’ €1,000 fis-sena lil dawn l-individwi għal għaxar snin. Għaldaqstant, b’kollox dawn il-benefiċjarji se jkunu bbenifikaw minn għotja ta’ €10,000.
Il-Ministru sostna li meta persuna tkun se tixtri l-ewwel proprjetà tagħha, bla dubju li din tkun se tagħmel pass importanti f’ħajjitha. Spjega kif għal ħafna dan il-pass jista’ joffri esperjenzi u sfidi ġodda. “Għaldaqstant sabiex nindirizzaw dan kollu, dan id-dokument se jkun qiegħed joffri gwida pass pass lil dawn ix-xerrejja prospettivi. B’sodisfazzjon għal darb’oħra qed inkunu ta’ spalla għal dawk li biħsiebhom jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, inkluż bosta żgħażagħ permezz ta’ din il-gwida komprensiva,” stqarr il-Ministru Galdes.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, stqarr, “Li tixtri l-ewwel proprjetà tiegħek hija l-ħolma ta’ ħafna żgħażagħ, imma l-proċess kapaċi jkun kumpless. Hi x-xewqa tagħna li permezz ta’ din il-gwida, il-proċess tax-xiri ikun spjegat b’mod ċar u li jinftiehem. B’hekk, inkunu qed ngħinu liż-żgħażagħ tagħna biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati.”
Din il-gwida tassisti lix-xerrejja prospettivi tul l-istadji kollha, inkluż proċessi relatati ma’ self mill-bank għal dan ix-xiri, il-kuntratt ta’ bejgħ, sal-mument li x-xerrejja jibdew jabitaw fir-residenza tagħhom. Din il-gwida tipprovdi wkoll pariri prattiċi dwar dak li x-xerrejja huma mħeġġa jinnotaw, kif ukoll informazzjoni dwar skemi u servizzi li joffri l-Gvern lil dawn ix-xerrejja li jgħinuhom ikomplu jilħqu l-aspirazzjoni tagħhom li jsiru sidien ta’ darhom.
Wieħed jista’ jaċċessa dan il-gwida minn fuq is-sit firsthome.mt.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN