STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Tiġi mnedija l-viżjoni taż-żgħażagħ taħt it-tema “Empowering Youth, Shaping Europe’s Future” għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa
Waqt konferenza li saret fi ħdan il-Public Service Expo Village 2025, ġiet imnedija uffiċjalment il-viżjoni u l-prijoritajiet taż-żgħażagħ għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa taħt it-tema “Empowering Youth, Shaping Europe's Future". Din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn tal-Gvern Malti biex iż-żgħażagħ ikollhom sehem attiv u strutturat fil-formulazzjoni tal-politika fuq livell nazzjonali u Ewropew.
Il-prijoritajiet ewlenin jinkludu:
- Id-drittijiet taż-żgħażagħ, b'enfasi fuq il-promozzjoni ta' ġustizzja soċjali u ugwaljanza;
- Parteċipazzjoni demokratika, li tiżgura li ż-żgħażagħ ikollhom vuċi u influwenza fid-deċiżjonijiet li jolqtu ħajjithom;
- Youth work ta' kwalità, li jikkontribwixxi għal tkabbir personali, soċjali u ċiviku; u
- L-integrazzjoni ta' perspettiva taż-żgħażagħ f'oqsma differenti ta' politika, sabiex il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom ikunu rappreżentati b'mod trasversali.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, qal, “Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa hija opportunità reali biex niżguraw li l-vuċi taż-żgħażagħ tkompli tinstema' b'mod strutturat u b'impatt. Il-prijoritajiet imnedija jirriflettu viżjoni Ewropea li tħares lejn iż-żgħażagħ mhux bħala kategorija iżolata, imma bħala sehem integrali mis-soċjetà li għandha dritt tipparteċipa u tifforma l-futur."
Bħala parti mill-implimentazzjoni ta' dawn il-prijoritajiet, Malta se tospita żewġ avvenimenti ewlenin: il-Konvenzjoni Ewropea tax-Xogħol maż-Żgħażagħ, li se ssir il-ġimgħa d-dieħla, kif ukoll il-Konferenza Ministerjali dwar iż-Żgħażagħ f'Ottubru 2025 – mument kruċjali biex jintwera l-impenn kollettiv tal-Istati Membri lejn iż-żgħażagħ fl-Ewropa.
Matthew Vella, Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, kompla jgħid, “Din hija opportunità storika biex nintegraw politika żagħżugħa f'kull livell ta' tfassil u implimentazzjoni. Malta qed toffri mudell ta' governanza li tirrispetta u tinkludi l-vuċi taż-żgħażagħ, kemm lokalment kif ukoll fuq livell Ewropew."
Il-Kap Eżekuttiv ta' Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma, żiedet tgħid, “Din il-Presidenza qed tagħti spazju ġdid u b'saħħtu għall-ideat taż-żgħażagħ. Il-ħidma tagħna se tkompli tiffoka fuq li nsaħħu l-istrutturi li jagħmluha possibbli għalihom li jkunu verament parti mill-proċessi."
Din hija xhieda ċara li Malta, permezz tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa, qed tibni fuq pedamenti sodi għall-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ u qed tinvesti fil-formazzjoni ta' Ewropa li tirrifletti l-valuri tagħhom.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN