STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Jitnieda l-proġett M.AI.ESTRO – pjattaforma intelliġenti biex tittrasferixxi l-għarfien bejn il-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol
Il-proġett ta' riċerka M.AI.ESTRO se jkun qiegħed jgħin biex jindirizza n-nuqqas ta' ħiliet li qed jiffaċċja s-suq tax-xogħol Malti, speċjalment f'setturi kruċjali bħall-manifattura u l-kostruzzjoni. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, flimkien mal-Professur Alexei Dingli, waqt it-tnedija tal-proġett innovattiv M.AI.ESTRO.
Il-proġett M.AI.ESTRO mhux sempliċiment programm ta' taħriġ, iżda pjattaforma intelliġenti u interattiva li tagħmel it-trasferiment tal-għarfien mezz ħaj, dinamiku u preċiż. Permezz ta' teknoloġija bbażata fuq smart glasses u moduli diġitali, ħaddiem b'esperjenza jista' jiddokumenta proċess kumpless f'ħin reali biex jintuża bħala tutor diġitali għal ħaddiema ġodda fil-qasam.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal li dan il-proġett juri b'mod ċar kif it-teknoloġija tista' sservi bħala mezz ewlieni biex intejbu l-ħiliet u l-produttività. “Dan huwa proġett li mhux biss jindirizza sfida reali fis-suq tax-xogħol tagħna, iżda wkoll jirrivoluzzjona l-mod kif inħarrġu lill-ħaddiema tagħna. M.AI.ESTRO jagħmel dan mhux bil-kliem, iżda bl-azzjoni konkreta," qal is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.
Huwa żied jgħid li l-Gvern qed jinvesti aktar minn mitt elf ewro fuq tliet snin f'dan il-proġett bħala parti minn strateġija nazzjonali li tagħmel parti mill-Malta Vision 2050. “Irridu nużaw ir-riċerka u l-innovazzjoni biex noħolqu impjiegi ta' kwalità u nżommu lil Malta fuq quddiem nett f'dinja globalizzata," tenna s-Segretarju Parlamentari.
Min-naħa tiegħu, il-Professur Alexei Dingli spjega kif il-proġett M.AI.ESTRO huwa wkoll mezz biex nipproteġu u nippreservaw ħiliet tradizzjonali u artiġjanat li jagħmel parti mill-wirt kulturali tagħna. “Dan il-proġett mhux biss jgħin biex jiġu mħarrġa ħaddiema ġodda b'mod effiċjenti, iżda wkoll biex inżommu ħaj l-għarfien u l-esperjenza ta' mastrudaxxi, artiġjani u professjonisti li ilhom fis-settur," qal Prof. Dingli.
M.AI.ESTRO se jtejjeb l-effiċjenza, inaqqas l-ispejjeż tat-taħriġ u jsaħħaħ il-kompetittività tan-negozji Maltin. B'dan il-mod, Malta tkun tista' tkompli toffri ambjent modern u sostenibbli għall-investiment u l-iżvilupp ekonomiku.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN