Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI Issir l-ewwel laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-ewtanasja volontarja assistita

PR250832
Date Icon 17/05/2025

Il-Ġimgħa filgħaxija saret l-ewwel laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika bħala parti mill-konsultazzjoni dwar l-ewtanasja volontarja assistita, liema laqgħa attendew għaliha diversi persuni li esprimew il-fehma tagħhom dwar id-dokument ippubblikat għall-konsultazzjoni pubblika. Persuni minn oqsma differenti tal-ħajja inġabru fis-sala tal-Kunsill Lokali tal-Fgura biex jgħidu tagħhom. Fosthom kien hemm diversi persuni li esperjenzaw it-tbatija li jikkawża mard terminali fejn b’kuraġġ esprimew il-fehma tagħhom dwar dak ippubblikat għad-diskussjoni. 

Filwaqt li fil-laqgħa kien hemm qbil ġenerali dwar is-serjetà tad-dokument ippubblikat, opinjonijiet espressi kienu jvarjaw minn dawk li jemmnu li d-dokument kellu jkun iktar miftuħ, għal dawk li esprimew fehma kontra l-prinċipju tal-ewtanasja volontarja assistita. Persuni oħra saħqu li meta esperjenzaw it-tbatija mill-qrib u tilfu persuni qrib tagħhom fehmu kemm din hi għażla personali li torbot mad-dinjità tal-persuna li m’għandha tkun imċaħda qatt, lanqas fi tmiem il-ħajja. Diversi persuni semmew kif il-fatt li d-dokument jisħaq li din għandha tkun għażla volontarja li persuna tista’ tieħu biss għaliha nnifisha hija xi ħaġa li tagħti serħan il-moħħ. 

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, ipparteċipat fil-laqgħa billi primarjament semgħet dak li n-nies kellhom xi jgħidu fejn enfasizzat li l-Gvern irid jisma’ l-opinjoni ta’ kulħadd. Hawn rrimarkat kif bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni diġà daħlu iktar minn 140 sottomissjoni. 

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg saħqet kif il-kura paljattiva tibqa’ dejjem l-ewwel għażla, tant li d-dokument għall-konsultazzjoni nnifsu jobbliga li l-pazjent għandu jkun dejjem riferut lejn il-kura paljattiva, liema kura l-Gvern qed ifittex li jkompli jsaħħaħ tant li ppubblika strateġija għal dan il-għan għall-għaxar snin li ġejjin. 

Xejnet ukoll għal kollox informazzjoni falza fl-aħħar jiem fejn kien hemm min beda jsemmi kundizzjonijiet li mhumiex fid-dokument u saħqet li d-dokument jagħmilha ċara li l-anzjanità, id-diżabilità u kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali ma jistgħu qatt ikunu raġunijiet biex persuna titlob l-ewtanasja volontarja assistita.

Il-prinċipji fid-dokument għall-konsultazzjoni pubblika jipprovdu fost oħrajn li l-ewtanasja volontarja assistita tista’ tintalab biss minn persuni li għalqu 18-il sena, li jkunu qegħdin ibatu b’marda terminali li medikament tkun ġiet iċċertifikata li ser ittemm il-ħajja tal-persuna fi żmien sitt xhur. Fost id-diversi salvagwardji proposti hemm li ser ikun meqjus bħala reat kriminali li persuna tħajjar jew iġġiegħel lil xi persuna biex titlob l-ewtanasja volontarja assistita.

Qiegħed ikun propost ukoll skrutinju rigoruż u strett minn bord regolatorju mmexxi minn eks ġudikant li jrid jagħti l-approvazzjoni finali wara perjodu ta’ riflessjoni. Fi kwalunkwe ħin, il-persuna li tkun talbet l-ewtanasja volontarja assistita tista’ tbiddel id-deċiżjoni tagħha. 

Din il-konsultazzjoni pubblika hija miftuħa sat-2 ta’ Lulju 2025 u l-pubbliku huwa mħeġġeġ jipparteċipa u jgħaddi l-kummenti tiegħu fuq is-sit fuq www.facts.gov.mt jew fil-laqgħat fil-komunità li jmiss bil-laqgħat issa se jsiru f’Għawdex u fil-Mosta.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI Issir l-ewwel laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-ewtanasja volontarja assistita
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow