STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Jitnieda l-proġett ta’ riċerka SOLAQUA: Teknoloġija innovattiva għal Malta aktar sostenibbli
Il-proġett SOLAQUA, inizjattiva mmexxija minn professjonisti lokali ġewwa l-Università ta’ Malta, ġie mniedi uffiċjalment bħala parti mill-impenn tal-Gvern biex Malta ssir ċentru ta’ innovazzjoni sostenibbli fil-Mediterran. Dan il-proġett se jiffoka fuq l-użu intelliġenti tar-riżorsi naturali bħall-baħar sabiex tiġi żviluppata teknoloġija solari ġdida u avvanzata, li tista’ tiġi installata qrib il-kosta u tappoġġja l-bżonnijiet ta’ enerġija rinnovabbli b’mod aktar effiċjenti u cost effective.
SOLAQUA hu frott ta’ viżjoni li bdiet lokalment u li issa qed tittrasforma f’soluzzjoni b’impatt kemm reġjonali kif ukoll internazzjonali. Il-proġett jinkorpora l-ambizzjonijiet tal-Viżjoni Malta 2050, u għandu l-għan li jikkontribwixxi b’mod attiv lejn it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-pajjiż.
Waqt it-tnedija, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti qal, “Il-proġett SOLAQUA jirrappreżenta pass strateġiku lejn Malta aktar sostenibbli, aktar intelliġenti u aktar reżiljenti. Dan huwa eżempju ċar ta’ kif ideat lokali jistgħu jitwettqu f’riżultati konkreti li mhux biss jindirizzaw l-isfidi globali tal-lum iżda joħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda għal pajjiżna. Dan hu investiment mhux biss fir-riċerka iżda fil-futur ekonomiku u ambjentali tagħna.”
Il-Professur Luciano Mulè Stagno, li qed imexxi l-proġett SOLAQUA, qal, “Dan il-proġett huwa prova tat-talent, id-dedikazzjoni u l-kapaċità li għandna f’Malta. Aħna nemmnu li b’kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi, l-akkademja u s-settur privat, nistgħu noħolqu teknoloġiji li jkollhom impatt globali u jwasslu għal soluzzjonijiet sostenibbli li jkomplu jpoġġu lil Malta fuq quddiem nett fil-qasam tar-riċerka.” SOLAQUA hu mistenni jħalli impatt ekonomiku sinifikanti billi jpoġġi lil Malta f’suq Ewropew fejn qed jiġu investiti bejn €50 u €100 biljun fis-sena f’sistemi solari. Il-proġett joffri wkoll opportunità unika għal pajjiżi mdawwrin bil-baħar biex jużaw spazji ġodda għall-enerġija rinnovabbli.
Din l-inizjattiva turi kif Malta qed tħares lejn il-futur b’approċċ strateġiku u sostenibbli, billi tinvesti f’riċerka u innovazzjoni li tħalli impatt fit-tul fuq is-soċjetà, l-ekonomija u l-ambjent.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN