STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Inizjattiva sabiex il-bdiewa u raħħala jkollhom aċċess għal għajnuna ta’ konsulenti professjonisti
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo nieda inizjattiva ġdida li se toffri konsulenza lill-azjendi agrikoli fuq Business Plans u Business Process Reengineering (BPR) lil bdiewa u raħħala, inizjattiva li hija allinjata wkoll mal-Malta Vision 2050.
Permezz ta' din l-iskema, il-gvern ser ikun qiegħed jalloka massimu ta' €5,000 għal kull konsulenza u l-bdiewa jistgħu jagħżlu il-konsulent li jridu ġaladarba dan jkun diġà approvat u rikonoxxut mill-AgriConnect. Dan għandu jwassal l-intrapriża agrikola biex tirristruttura l-proċessi tagħha.
Il-Ministru Anton Refalo nnota kif din l-inizjattiva hija kruċjali għall-azjendi agrikoli biex jiżguraw suċċess fit-tul u kompetittività. “Din l-inizjattiva se tgħin il-holdings agrikoli jadattaw għat-talbiet tas-suq, itejbu l-profitabbiltà, u jespandu b'mod sostenibbli f'industrija dejjem aktar kumplessa. Bis-saħħa ta' din l-iskema issa se jkun iktar faċli biex dawn l-azjendi jkollhom aċċess għall-pariri u l-għajnuna ta' konsulenti u esperti f'dan il-qasam."
Id-Direttur tal-Agrikoltura Marco Dimech spjega, “Business Plan strutturat sew jagħti direzzjoni ċara, jgħin biex jiġu stabbiliti l-miri u jorjentaw il-finanzjament b'mod li jindirizzaw r-riskji bħal bidliet fil-prezzijiet tas-suq jew sfidi klimatiċi. Min-naħa l-oħra, il-BPR ittejjeb l-operat billi jissimplifika l-proċessi, jottimizza r-riżorsi tal-ażjenda, u jintegra t-teknoloġija bħal agrikoltura preċiża u awtomazzjoni, li twassal għal effiċjenza u produttività ogħla."
Din l-iskema hi miftuħa kemm għall-bdiewa li jkabbru l-ħaxix u l-frott kif ukoll għar-raaħħala li jrabbu l-annimali.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN