STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Aktar xogħol biex tissaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni tad-dawl
Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u c-Chairperson Ezekuttiv ta’ Enemalta Ryan Fava żaru sit ta’ proġett fis-Swatar, fejn għaddej xogħol estensiv biex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl.
Il-proġett jinkludi l-installazzjoni ta’ madwar 10 kilometri ta’ cables taħt l-art b’voltaġġ medju, li se jgħaqqdu l-estensjoni ġdida tas-substation DC fl-Imsida ma’ diversi substations oħra fil-lokalitajiet ta’ Birkirkara, Msida u Santa Venera.
Dawn ix-xogħlijiet iżidu l-konnettività fis-sistema tad-distribuzzjoni, fejn, filwaqt li jsaħħu r-reżiljenza fid-distribuzzjoni, iżidu wkoll il-flessibbiltà fin-network biex, f’każ ta’ ħsarat, it-tekniċi ta’ Enemalta jkunu jistgħu jerġgħu jipprovdu s-servizz lill-klijenti fl-inqas ħin possibbli.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li dan il-proġett hu parti minn programm nazzjonali usa’ ta’ modernizzazzjoni tas-sistema tad-distribuzzjoni, b’xogħlijiet simili li diġà għaddejjin jew ippjanati madwar Malta u Għawdex. “Dan huwa investiment dirett fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. L-enerġija hija kruċjali għal kull aspett tal-ħajja moderna, u rridu nkunu ċerti li s-sistema tagħna tkun lesta għal sfidi kbar bħall-bidla fil-klima u żieda fil-konsum,” qalet il-Ministru.
Matul iż-żjara il-Ministru faħħret il-kooperazzjoni bejn il-kunsilli lokali, ir-residenti u l-ħaddiema fuq il-post, li kollha kellhom sehem importanti biex ix-xogħol jitwettaq b’mod effiċjenti u bl-inqas inkonvenjent possibli għall-pubbliku. L-investiment f’din l-infrastruttura mhux biss isaħħaħ il-preżent, iżda huwa wkoll pedament għat-tranżizzjoni ekoloġika u d-diġitalizzazzjoni tal-grid nazzjonali fil-futur. Il-Ministru temmet billi saħqet li l-Gvern se jkompli jinvesti b’mod sostenibbli fil-proġetti li jġibu servizz aħjar u aktar sigur għall-familji u n-negozji f’kull rokna ta’ Malta u Għawdex.
L-Inġ. Fava qal li dan il-proġett jirrifletti l-impenn kontinwu tal-kumpanija biex toffri servizz ta’ livell għoli. “B’dan it-tip ta’ investiment, qed inkomplu ntejbu l-infrastruttura tagħna biex nilqgħu għall-futur. Nirringrazzja lill-ħaddiema kollha, il-kunsill lokali u r-residenti tal-koperazzjoni biex proġetti bħal dawn li huma tant importanti għall-pajjizna jkunu jistgħu jitwettqu fl-iqsar żmien possibbli.”
Dan il-proġett, b’investiment ta’ €2.7 miljun, qed jitwettaq bil-fondi tal-Unjoni Ewropea permezz tal-Programm RRF – Recovery and Resilience Facility.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN