STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Jitnieda l-programm tas-sajf Life Skills Lab 2025: esperjenza ta’ tagħlim attiv u inklużiv għal żgħażagħ madwar Malta u Għawdex
Il-Life Skills Lab 2025, programm tas-sajf imtella' minn Aġenzija Żgħażagħ, tnieda uffiċjalment u se joffri esperjenza edukattiva u prattika għal mijiet ta' żgħażagħ madwar Malta u Għawdex. Din l-inizjattiva se tinkludi Bootcamps, Kampijiet Residenzjali, Programmi ta' Ħiliet għall-Ħajja, Programmi Akkreditati u Clubs tematiċi, kollha mmirati biex jgħinu liż-żgħażagħ jiskopru l-potenzjal tagħhom u jitrawmu bħala ċittadini attivi.
L-attivitajiet se jsiru f'diversi lokalitajiet inkluż f'Santa Venera, fl-MCAST ta' Raħal Ġdid, f'Għajnsielem, fl-Imsida u fil-Qawra. Il-programm joffri taħriġ b'xejn minn youth workers professjonali u jinkludi ċertifikati ta' parteċipazzjoni rikonoxxuti fis-Secondary School Certificate and Profiling.
Waqt it-tnedija, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti qal, “Il-Life Skills Lab tas-Sajf 2025 huwa xhieda tar-rieda soda li għandna biex noffru spazji fejn iż-żgħażagħ tagħna jitgħallmu b'mod attiv, jitrawmu bħala mexxejja, u jiżviluppaw ħiliet essenzjali għas-soċjetà tal-lum. Dan mhux biss programm ta' attivitajiet – iżda pjattaforma għat-tkabbir personali u soċjali li żgur se tħalli impatt fit-tul."
Il-Kap Eżekuttiv ta' Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Theuma, iddeskriviet il-programm bħala wieħed li jpoġġi liż-żgħażagħ fiċ-ċentru ta' esperjenza ta' tagħlim li tgħaqqad il-prattika mal-valuri. “Il-Life Skills Lab huwa mibni fuq il-valuri ta' inklużjoni, diversità, u rispett. Huwa spazju sigur u kreattiv li jħeġġeġ liż-żgħażagħ jesprimu l-potenzjal tagħhom, jiskopru talenti ġodda, u jikkontribwixxu b'mod pożittiv fil-komunitajiet tagħhom."
Il-programm għal din is-sena jinkludi wkoll seba' clubs ġodda bħall-Young Kitchen Club, Earth 112, u Music Beat Club, kollha maħsuba biex jippromwovu l-kreattività taż-żgħażagħ.
Dan l-investiment fiż-żgħażagħ huwa wkoll investiment fil-futur ta' Malta, fejn iż-żgħażagħ ikunu mgħammra mhux biss b'għarfien imma b'ħiliet li jservuhom għal ħajjithom kollha.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN