STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Aktar investiment biex nikkumbattu l-vjolenza domestika
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal kompla jinvesti f’aktar ftehimiet soċjali bil-għan li jsaħħaħ is-servizzi offruti lil persuni u familji vulnerabbli.
Ġie ffirmat ftehim soċjali bejn il-Ministeru u l-Fondazzjoni Sebħ li hija mmexxija mill-Knisja. Permezz ta’ dan il-ftehim, se jkun garantit is-servizz offrut mil-Milja, xelter li jilqa’ nisa u tfal tagħhom li jkunu f’periklu minħabba vjolenza domestika. Ħafna drabi dawn ikunu ġenituri nisa li ma jkollhomx post alternattiv fejn imorru kawża tal-vjolenza kontinwa li jkunu esposti għaliha.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, spjega li dan l-iffirmar ilaħħaq il-finanzjament ta’ miljun u nofs ewro fuq medda ta’ 3 snin. “Dan il-Gvern verament jemmen fil-ġustizzja u l-mobilità soċjali, fejn irridu naraw li kull persuna tgħix ħajja aħjar mingħajr biża’ u tbatija żejda,” saħaq il-Ministru Michael Falzon.
B’kollox dan il-ftehim se jiggarantixxi s-servizz ta’ 12-il unit, li mhux biss jipprovdi saqaf, iżda anke kura emozzjonali u tagħlim edukattiv lit-tfal sabiex ilaħħqu ma’ sħabhom, f’każ li jagħmlu żmien ma jmorrux skola.
Il-Milja huwa ‘secondary stage shelter’, li jiffaċilita l-ħajja ta’ dawn il-persuni sabiex jgħixu b’mod semindipendenti, u eventwalment jgħin sabiex dawn il-persuni jkunu kapaċi jerġgħu jibnu ħajjithom lura fis-soċjetà.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN