STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Investiment doppju fil-qasam soċjali meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena 2013
It-tkabbir tal-investiment fil-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali kompla b'ritmu qawwi fl-ewwel tliet xhur tas-sena fejn laħaq kważi l-€442 miljun. Dan kien l-ogħla ammont li qatt ġiet reġistrat għall-ewwel kwart tas-sena.
Iċ-ċifri mxandra llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, juru li t-tkabbir fuq l-istess perjodu fl-2024 kien ta' €43.7 miljun jew 11 fil-mija.
L-akbar qabża kienet fil-ħlas ta' pensjonijiet u benefiċċji oħra kontributorji li żdiedu bi 12 fil-mija għal aktar minn €355 miljun.
L-investiment fuq benefiċċji mhux kontributorji, fosthom dawk għal familji bit-tfal u għall-anzjani, kibret b'7 fil-mija għal €86.4 miljun.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, tenna li kienu diversi l-fatturi li xprunaw dan l-investiment soċjali fl-ewwel kwart ta' din is-sena. Dawk l-aktar importanti kienu l-miżuri tal-Budget li daħlu fis-seħħ bejn Jannar u Marzu, b'mod partikulari ż-żieda ta' €8 fil-ġimgħa fir-rati tal-pensjonijiet u l-aġġustament li qed isir b'mod gradwali fil-pensjoni tal-irtirar ta' persuni li twieldu qabel Diċembru tal-1962. Pensjonanti romol ukoll qed ikollhom titjib bis-saħħa tal-proċess ta' aġġustament gradwali biex il-pensjoni tagħhom tilħaq dik li kieku jirċievu l-konjugi tagħhom.
Il-Ministru Falzon semma wkoll il-fatt li eluf ta' persuni oħra, l-aktar nisa, li ma għandhomx pensjoni għaliex ma kellhomx kontribuzzjonijiet biżżejjed biex jikkwalifikaw, ukoll ħadu żieda li tvarja bejn €50 u €400 fis-sena, skont kemm ikunu ħallsu kontribuzzjonijiet.
Miżura li kellha impatt qawwi fiż-żieda fl-investiment fuq benefiċċji mhux kontributorji kienet iż-żieda ta' €250 għal kull wild taħt is-sittax-il sena fl-allowance tat-tfal. B'kollox f'dawn it-tliet xhur ġenituri ta' dawn it-tfal bejniethom irċevew aktar minn €19-il miljun fi ħlas taċ-Children's Allowance inkluż is-suppliment imħallas miegħu. Dan minbarra benefiċċji oħra għall-familja.
Titjib ieħor li ħalla effett fuq iż-żieda fl-investiment soċjali kien dovut għaż-żieda fl-għotja għall-anzjani li jgħixu fil-komunità u għar-rati ogħla li bdew jitħallsu benefiċjarji tal-Allowance Supplimentari.
Il-Ministru Falzon stqarr li huwa ta' sodisfazzjon josserva li bis-saħħa ta' katina ta' miżuri li twettqu f'budget wieħed wara l-ieħor, l-investiment fl-ewwel kwart ta' din is-sena laħaq aktar mid-doppju ta' dak investit fl-istess perjodu tal-2013.
“Fil-fatt sal-aħħar tal-2025, l-investiment sħiħ fil-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali mistenni jilħaq il-€1.6 biljun. Dan jixhed l-impenn u r-ruħ soċjali li għandu dan il-Gvern," temm jgħid il-Ministru Falzon.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN