Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI U L-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA

PR250758
Date Icon 08/05/2025

Malta tilħaq tragward importanti ta' Viżjoni Malta 2050: STMicroelectronics f'Malta jsir l-ewwel impjant Backend tal-Manifattura Avvanzata fl-UE

Malta laħqet mument storiku fil-vjaġġ tat-trasformazzjoni ekonomika tagħha hekk kif STMicroelectronics inawgurat it-tlestija tal-Proġett KK0 — parti minn espansjoni strateġika li permezz tagħha qed tissaħħaħ il-pożizzjoni ta' Malta bħala ċentru kruċjali fl-industrija globali tas-semikondutturi.

Il-faċilità ta' ST f'Malta issa hija rikonoxxuta bħala l-ewwel impjant backend tal-manifattura avvanzata fl-Unjoni Ewropea, u hija punt ta' riferiment ġdid għall-prattiċi tal-Industrija 4.0. Il-faċilità tgħaqqad l-awtomazzjoni avvanzata, inġinerija preċiża u ħaddiema speċjalizzati li jwasslu għall-manifattura ta' semikondutturi tal-għola kwalità.

Il-President ta' STMicroelectronics, Fabio Gualandris qal li l-impjant ta' Malta issa huwa wieħed mill-aktar produttivi fi ħdan il-Grupp ST globalment.

Dan is-suċċess ġej wara li biss seba' snin ilu l-impjant f'pajjiżna kien f'riskju li jingħalaq, dan kollu nbidel fl-istorja ta' suċċess li għandna llum mmexxija mill-appoġġ li l-Gvern jagħti lill-ST, il-viżjoni għall-futur u t-talent lokali.

Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri qal, “Dan mhux biss investiment fl-infrastruttura, iżda wkoll investiment fin-nies, fil-ħiliet u fl-innovazzjoni għal Malta ta' għada. Il-Proġett KK0 huwa prova tal-impenn tagħna lejn il-Viżjoni Malta 2050, fejn nittrasformaw l-isfidi f'opportunitajiet u nippożizzjonaw lil Malta bħala ċentru għall-industrija sostenibbli u ta' valur għoli miżjud."

Wara s-suċċess tal-Proġett KK0, ST diġà investiet fir-riċerka u żvilupp u fl-innovazzjoni fil-proċessi tal-manifattura fl-impjant ta' Ħal Kirkop, wieħed mill-aktar faċilitajiet sofistikati fis-semikondutturi fl-Ewropa. Il-kumpanija introduċiet b'programmi pilota biex itejjeb il-produttività b'teknoloġiji diġitali ġodda, b'għodod robotiċi u teknoloġiji għall-manifattura avvanzata, imsejsa fuq l-awtomazzjoni u sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali.

ST Microelectronics tinvesti wkoll f'inizjattivi edukattivi u ta' taħriġ flimkien ma' diversi stakeholders oħra biex ittejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema li jwassal għal salarji aħjar.

Illum, l-impjant ST f'Malta jimpjega aktar minn 1,600 professjonist b'ħiliet għolja, u jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-ekonomija nazzjonali, partikolarment fis-settur tal-esportazzjoni. L-industrija tas-semikondutturi f'Malta diġà tiġġenera aktar minn €1.2 biljun f'esportazzjoni — madwar terz tal-esportazzjonijiet kollha tal-manifattura — u toħloq aktar minn 4,000 impjieg ta' kwalità għolja.

Malta dalwaqt se tniedi l-ewwel Ċentru Nazzjonali ta' Kompetenza għas-Semikondutturi, li se jwassal biex Malta tintegra ruħha aktar mal-Att dwar iċ-Ċipep tal-UE u ssaħħaħ ir-rwol tagħha fir-riċerka, id-disinn u l-manifattura avvanzata. Il-kollaborazzjoni ma' istituzzjonijiet internazzjonali ewlenin fir-Riċerka u Żvilupp f'dan is-settur bħalma huma IMEC li se tkompli ssaħħaħ l-pożizzjoni ta' Malta bħala destinazzjoni ewlenija għall-innovazzjoni fil-qasam tal-mikroelettronika.

Il-Ministru Schembri kkonkluda, “Din hija l-Malta li qed nibnu — pajjiż li jippremja l-ambizzjoni, jinkoraġġixxi l-innovazzjoni, u joħloq opportunitajiet reali għan-nies tiegħu, speċjalment iż-żgħażagħ tagħna. Bil-Viżjoni Malta 2050 bħala l-gwida tagħna, se nkomplu nwasslu żvilupp sostenibbli u tkabbir ekonomiku ta' valur għoli li jkun ta' benefiċċju għal kulħadd."

F'konformità mal-aġenda nazzjonali għas-sostenibbiltà, ST introduċiet ukoll faċilità ġdida għat-trattament tal-ilma, iddisinjata biex tnaqqas b'mod sinifikanti l-konsum u tappoġġja l-użu mill-ġdid fiċ-ċiklu tal-produzzjoni — prova ċara li l-manifattura sostenibbli u profittabbli jistgħu jimxu id f'id.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, li kienet preżenti għall-preżentazzjoni tal-operat ta' dan l-impjant qalet, “Bħala pajjiż nemmnu f'tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli għax hi ta' benefiċċju għal stat gżira bħalma aħna. Din il-faċilità hija eżempju ċar ta' kif l-industrija tista' tkun parti kruċjali għal din it-tranżizzjoni. STMicroelectronics hija waħda mill-kumpaniji li qed turi li l-manifattura sostenibbli hija possibbli kif ukoll profittabbli; toħloq impjiegi ta' kwalità u tappoġġja l-miri ta' pajjiżna lejn futur aktar nadif u reżiljenti."

Fabio Gualandris, President għall-Kwalità, Manifattura u Teknoloġija fi STMicroelectronics qal, “Ix-xogħol li sar fit-titjib tal-faċilitajiet tagħna għall-impjegati, kif ukoll l-inawgurazzjoni tal-impjant il-ġdid għat-Trattament tal-Ilma f'STMicroelectronics f'Ħal Kirkop, timmarka pass ieħor importanti fil-kollaborazzjoni produttiva tagħna f'Malta — sħubija li ilha tiffjorixxi sa mill-1981."

“Nirringrazzjaw lill-Gvern, lil Malta Enterprise, u lil INDIS Malta għall-appoġġ tagħhom, u nilqgħu l-impenn kontinwu tagħhom lejn l-industrija tas-semikondutturi kemm f'Malta kif ukoll fl-Ewropa. Fuq din il-kooperazzjoni, ST se tkompli tinvesti biex tittrasforma l-kapaċitajiet ta' manifattura tagħha f'Malta, permezz ta' żieda fil-proċess u teknoloġiji avvanzati u sostenibbli tal-manifattura, bil-għan li nappoġġjaw il-prodotti futuri fl-infrastruttura tal-karozzi, l-industrija u l-komunikazzjoni," temm jgħid Fabio Gualandris.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI U L-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI U L-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI U L-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow